Il-familja ta’ Bernice Cassar talbet li tkun parti mill-kawża li l-allegat qattiel tal-vittma, żewġha Roderick Cassar, fetaħ b’rabta mal-liġi tal-femiċidju.
Roderick Cassar, ta’ 41 sena, qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ martu fit-22 ta’ Novembru li għadda, b’tiri ta’ arma tan-nar fl-inħawi ta’ Kordin.
Cassar huwa l-ewwel raġel li qed jiġi mixli b’femiċidju f’pajjiżna, u qed isostni li din il-liġi hija diskriminatorja u sessista.
It-talba tal-familja saret fil-bidu tas-seduta tal-lum.
Id-Difiża tal-imputat, immexxija mill-avukat Franco Debono, oġġezzjonat għal din it-talba.
L-avukati Marita Pace Dimech, Rodianne Sciberras u Ann Marie Cutajar qed jidhru għall-familja tal-vittma, filwaqt li għal Roderick Cassar qed jidhru wkoll l-avukati Arthur Azzopardi, Marion Camilleri, u Jacob Magri.
F’din il-kawża, l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat qed ikun rappreżentat mill-Avukat Julian Farrugia.
Il-kawża se tkompli tinstema’ f’Ġunju.