Is-seba’ Sirjani li ġew mixlija b’tixrid ta’ materjal estremista, tpoġġew taħt att ta’ akkuża wara li nstemgħet il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront tagħhom.
Huma kienu tressqu l-Qorti nhar il-Ħadd 30 ta’ April, u kienu nżammu arrestati.
Huma qed jiġu akkużati b’diversi reati serji, fosthom li xerrdu messaġġi li jħeġġu reati terroristiċi, li rreklutaw jew ħajru persuni jwettqu atti terroristiċi, li għallmu lil persuna jew persuni oħra kif jużaw splussiv jew armi tan-nar, kif ukoll li ppruvaw jivvjaġġaw lejn l-Unjoni Ewropea biex jieħdu sehem f’attakki terroristiċi.
Waħda mill-kitbiet kellha stampa ta’ tfal fi skola li fuq moħħhom kellhom “bandana tal-ISIS”. Fost l-accounts tal-akkużat, kien hemm bosta shares ta’ kitbiet li għamlet l-aġenzija tal-midja tal-ISIS. Barra minn hekk, waħda mill-kitbiet tal-imputati turi filmat li “jigglorifika l-attakki suwiċidja u s-suicide bombing”.
Filmat ieħor juri tnejn mill-akkużati jkantaw in-nasheed, “li huwa famuż ma’ grupp Iżlamiku” u li huwa dwar il-ġellieda li jfittxu l-martirju. Filmat ieħor juri kif persuna tista’ toħloq bombi jew materjali splussivi f’darha.
Minkejja dan, ma nstab ebda materjal splussiv fir-residenzi tal-akkużati.
Id-Difiża qalet li ż-żgħażagħ mhux qed jiġu akkużati li ħolqu dan il-materjal iżda biss li għamlu share tiegħu. Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti ddikjarat li hemm biżżejjed evidenza biex l-akkużati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.
Il-każ se jkompli jinstema’ x-xahar d-dieħel.