Simonds Farsons Cisk plc ħabbret profitt qabel it-taxxa ta’ €15.3 miljun, żieda sostanzjali fuq it-€12.2 miljun fis-sena ta’ qabel.
Meta l-Grupp ippubblika r-riżultati finanzjarji tiegħu għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Jannar 2023, ħabbar li d-dħul mill-bejgħ tiegħu laħaq il-€118.2 miljun. Dan ifisser żieda ta’ 28.8 fil-mija fuq iċ-ċifra tas-sena l-oħra, bi dħul ikbar fl-oqsma kollha tal-operat.
Il-kumpanija rrimarkat li dawn ir-riżultati huma sinifikanti meta wieħed iqis l-iżviluppi makroekonomiċi u ġeopolitiċi li tfaċċaw matul is-sena. Dawn jinkludu l-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna u l-konsegwenzi tal-Covid-19, speċjalment minħabba l-impatt li ħalliet din il-pandemija fuq l-industrija tal-ospitalità u tad-divertiment.
Il-Grupp qal li minkejja li kellu jaffaċċja żidiet sinifikanti fil-prezz tas-servizzi u tal-materja prima fuq livell globali, irnexxielu jżomm il-prezzijiet tiegħu f’livelli raġonevoli u jsaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fis-suq.