Il-Grand Harbour Regeneration Corporation (il-GHRC) għaddejja bl-aħħar xogħlijiet fuq ir-riġenerazzjoni fid-daħla tal-Isla. Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ erba’ miljun u ħames mitt elf ewro, bil-għan li tingħata ħajja ġdida lid-daħla tal-Isla u lis-swar tal-madwar.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, żar ix-xogħlijiet flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-GHRC, Gino Cauchi. Huwa sostna l-impenn tal-Gvern li jagħmel mill-Port il-Kbir u ż-żoni tal-madwar mutur ekonomiku b’saħħtu għal pajjiżna. Dan irid jagħmlu filwaqt li jinżamm bilanċ tajjeb bejn l-investiment, it-tkattir tiegħu, u l-fatt li din iż-żona hija waħda fejn jgħixu numru ta’ familji.
Il-proġett tad-daħla tal-Isla nqasam fi tliet fażijiet. L-ewwel fażi tal-proġett kienet ir-restawr tad-daħla prinċipali u tas-swar ta’ San Mikiel, fejn ġew restawrati mat-tmint elef u tmien mija u ħamsin metru kwadru tas-swar. Barra minn hekk, l-arloġġ magħruf tal-Isla sarlu r-restawr neċessarju filwaqt li l-gardjola nbniet mill-ġdid fuq l-istess daħla, minħabba li kienet fi stat qawwi ta’ deterjorament.
Fit-tieni fażi tal-proġett il-Pjazza Mitrovich issebbħet u saritilha r-riġenerazzjoni meħtieġa. Saret ukoll ir-rilokazzjoni tal-pitch tal-boċċi u nħolqot pjazzetta żgħira oħra taħt il-Belvedere, għall-użu tal-pubbliku.
Il-proġett bħalissa jinsab fit-tielet u l-aħħar fażi, fejn qed jinħolqu l-istrutturi sabiex Il-pubbliku jkollu l-aċċess għall-belvedere. Finalment, qed jinbena visitor centre u qed jiġi installat lift għall-użu tal-persuni bi problemi ta’ mobilità.