Id-19 ta’ Mejju huwa l-jum li joħloq kuxjenza dwar il-mard infjammatorju tal-imsaren.
F’din l-okkażjoni, One News iltaqa’ ma’ Josef Busuttil, iċ-Chairperson tal-Malta Association for Crohns and Colitis – l-MACC – li huwa wkoll għandu din il-kundizzjoni.
Busuttil tkellem magħna dwar kif, kull 8 ġimgħat, ikollu jmur l-isptar sabiex jingħata d-drip, li tikkontribwixxi wkoll biex titbaxxielu l-immunità.
Huwa qalilna li hawn madwar 2,500 ruħ f’pajjiżna li għandhom dawn il-kundizzjonijiet, magħrufa aħjar bħala IBD, li għalihom m’hemmx fejqan iżda li ma jittiħdux. Madankollu, l-għarfien dwarhom huwa minimu.
Qal, “Din il-kundizzjoni li qed nitkellmu fuqha hija IBD, Inflammatory Bowel Disease. Din tinkorpora kemm Crohns Disease u anke Ulcerative Colitis. Id-differenza bejn it-tnejn hija, li Ulcerative Colitis taffetwa l-musrana l-kbira u Crohns tiffjammalek, litteralment, is-sistema diġestiva kollha.”
Huwa proprju biex in-nies iridu jafu aktar dwar din il-kundizzjoni li nhar il-Ħadd filgħodu se tiġi organizzata mixja fil-Belt Valletta bit-tema ‘Walk for Warriors’.
Qal, “Il-Ħadd se ssir mixja fil-Belt Valletta. Se niltaqgħu bejn l-għaxra u l-għaxra u kwart. Hija mixja simbolika, biex noħolqu dan l-għarfien fost il-pubbliku u anke mal-awtoritajiet.”
Intant, ftit jiem ilu, f’intervent fil-Parlament, id-Deputat Laburista Katya Degiovanni wkoll irrakkontat l-esperjenza tagħha b’din il-kundizzjoni, bit-tama li aktar nies isiru jafu biha u titnaqqas l-istigma marbuta magħha.
Degiovanni semmiet kif, kawża ta’ din il-kundizzjoni, kellha tbiddel l-stil tal-ħajja, fosthom id-dieta tagħha. Ir-restrizzjonijiet tal-kundizzjoni wassluha biex saħansitra tilfet xi ħbieb – li jindika kif din il-kundizzjoni taffettwa anki psikoloġikament lil min ikun ibati biha.
Hija semmiet ukoll kif, għal dawn il-jiem, il-Berġa ta’ Kastilja se tinxtegħel vjola sabiex tqajjem aktar għarfien dwar l-IBD.