Il-Ħamis filgħodu l-Partit Nazzjonalista għamel bħal Repubblika u mar jagħmel rikors quddiem il-Maġistrat li qed tmexxi inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.
Din id-darba ntqal li qed jippreżentaw dokumenti ġodda li waslu għand id-Deputat Mark Anthony Sammut, dan l-għada li esponenti ta’ Repubblika marru jgħidu li ressqu lill-Maġistrat l-artikli li dehru fil-gazzetti, fosthom dwar ħlasijiet lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Ħlasijiet li l-eks Prim Ministru dejjem sostna li kienu ta’ xogħlijiet li saru wara li ma baqax Prim Ministru.
Din l-inkjesta kienet infetħet minn Repubblika u mhux darba u tnejn spiċċat f’nofs kontroversja.
Intant, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat għamel rikors fil-Qorti.
F’komunikazzjoni fuq facebook fejn ippubblika r-rikors tenna tliet punti.
Qal li l-Maġistrat, li qed tagħmel l-inkjesta baqgħet qatt ma bagħtet għalih minkejja t-talbiet li għamel.
Żied li kien hemm leaks kontinwi mill-istess inkjesta u tenna li qraba tal-Maġistrat ippromowvew propoganda ta’ min talab l-inkjesta.
Qal li fid-dawl ta’ dawn l-affarijiet ressaq rikors fil-Qorti biex jitlob ir-rikuża tal-Maġistrat Gabriella Vella.
Qal li din l-inkjesta għandha tgħaddi f’idejn ġudikant li jista’ jassigura kemm bħala perċezzjoni kif ukoll bħala fatt, l-imparzjalita f’dan il-każ.
Każ li fi kliem Dr Muscat issa sar politiku.