Rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet ewlenin tal-persuni LGBTIQ+ fl-Awstrija, fosthom l-organizzaturi tal-Pride ta’ Vjenna, kif ukoll membri tal-komunità diplomatika u attivisti fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri kellhom kliem ta’ tifħir għall-kisbiet li wettqet Malta fil-qasam tad-drittijiet ċivili.
Huma ltaqgħu flimkien f’attività organizzata mill-Ambaxxxata ta’ Malta fl-Awstrija biex tikkommemora l-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, il-Bifobija, u t-Transfobija (l-IDAHOT) filwaqt li tippromwovi l-Europride li se ssir Malta f’Settembru li ġej.
Preżenti kien hemm, fost l-oħrajn, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg. Hija rreferiet għall-Istrateġija nazzjonali l-ġdida ta’ Malta għall-persuni LGBTIQ+ u affermat mill-ġdid l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jistinka bla heda f’dan il-qasam. Irrimarkat ukoll li l-fatt li din is-sena Malta se tospita l-Europride għandu sinifikat partikolari.
L-Ambaxxatriċi ta’ Malta għall-Awstrija, Natasha Meli Daudey, tkellmet dwar kif il-jeddijiet tal-persuni LGBTIQ+ huma prijorità għal Malta, kif jixhdu r-riformi li twettqu f’dawn l-aħħar għaxar snin. Fid-dawl ta’ dan, Malta hija kburija li l-ħidma tagħha ġiet irrikonoxxuta mir-Rainbow Index tal-organizzazzjoni ILGA-Europe, li għat-tmien sena konsekuttiva kklassifikat lil Malta fl-ewwel post fost il-pajjiżi Ewropej kollha.
Fl-attività, li kellha s-sostenn tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Vjenna, il-mistednin kellhom l-opportunità li jduqu speċjalitajiet tal-kċina Maltija mħejjijin mill-executive chef Malti Stephen Gatt.
Ritratti: Martin Darling