F’dawn l-aħħar għaxar snin, pajjiżna għamel passi ta’ ġġant fil-qasam tal-ugwaljanza.
Tkellem dwar dan il-Prim Ministru Robert Abela mal-midja, fi tmiem is-Summit tal-Kunsill tal-Ewropa, li sar fl-Iżlanda.
Il-Prim Ministru sostna li l-ugwaljanza hija waħda mill-valuri fundamentali ta’ din l-organizazzjoni internazzjonali, flimkien mad-drittijiet tal-bniedem u s-saltna tad-Dritt, fost oħrajn.
“U meta erġajt irrakkontajt minn fejn beda pajjiżna, għaxar snin ilu, u fejn jinsab illum fil-qasam tal-ugwaljanza, tara kemm pajjiżna għamel passi ta’ ġgant fil-qasam tal-ugwaljanza, it-twessigħ tad-drittijiet ċivili. Konna lura ħafna f’dan is-settur u llum kburi illi fir-Rainbow Index qegħdin l-ewwel.”
Il-Prim Ministru sostna li, sena wara sena, pajjiżna qiegħed l-ewwel f’dan l-indiċi tal-ugwaljanza.
Huwa osserva li, l-Erbgħa, il-gvern nieda l-istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza għall-persuni LGBTIQ+.
Il-Prim Ministru sostna li pajjiżna se jibqa’ miexi ‘l quddiem f’dan is-settur.
“Huwa għalhekk ukoll li llum nedejna l-istrateġija importanti u Pjan ta’ Azzjoni importanti għall-ħames snin li ġejjin, fejn jidħol il-qasam tal-ugwaljanza għall-persuni LGBTIQ+. Fost l-oħrajn din hija strateġija illi hija meħtieġa, anki biex nagħtu viżjoni ċara ta’ fejn irridu mmorru fil-ħames snin li ġejjin. Qed nitkellmu wkoll dwar l-equality bills li se jkunu qed jagħtu aktar ugwaljanza lil kulħadd. Qegħdin naħdmu wkoll biex koppji LGBTI jkunu jistgħu jaddottaw anki minn pajjiżi terzi u hemmhekk fejn tidħol il-ħidma diplomatika, jiġifieri dak kien xi tkellimna wkoll dwaru f’dan is-summit fil-qasam tal-ugwaljanza.”
AQRA WKOLL: