Is-settur edukattiv Malti għamel qabża ’l quddiem.
Dan ħareġ mir-rapport internazzjonali ‘Progress in International Reading Literacy Study’ (PIRLS), li wera kisbiet importanti u avvanz sinifikanti fuq l-aħħar rapport, li kien ħareġ fl-2016.
Ir-rapport, li jsir kull ħames snin, huwa analiżi ta’ studju li janalizza tfal ta’ madwar 10 snin u l-ħila li jaqraw, jifhmu u jużaw tajjeb dak li jaqraw. L-istudju jitmexxa mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Evalwazzjoni tal-Kisbiet Edukattivi.
Il-punteġġ medju tal-qari tat-tfal Maltin, 515, huwa ogħla b’mod sinifikanti mill-medja internazzjonali, li hija 500.
L-istudenti Maltin jaqbżu sew il-livell fil-qari f’21 pajjiż fosthom ir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Italja, l-Istati Uniti, il-Finlandja, l-Awstralja, id-Danimarka, in-Norveġja, u l-Awstrija, fost l-oħrajn.
Fil-pajjiżi kollha, u anke f’Malta, l-istudenti bniet marru aħjar mill-istudenti subien.
Fatt interessanti juri li kemm jaqraw it-tfal Maltin huwa marbut ma’ kemm iħobbu jaqraw il-ġenituri tagħhom. Ir-rata Maltija ta’ ġenituri li jħobbu jaqraw, b’punteġġ ta’ 37 fil-mija, hija ogħla b’mod sinjifikanti mill-medja internazzjonali.
Fejn jidħlu s-sigurtà u l-ordni fl-iskejjel ukoll kien hemm titjib sinifikanti, b’Malta tikseb punteġġ ogħla minn dak internazzjonali.
Dan jindika li s-sigurtà u l-ordni fl-iskejjel Maltin tjiebu b’mod konsiderevoli fl-aħħar ħames snin, tant li r-rapport juri li 60 fil-mija tal-għalliema jqisu l-iskejjel tagħhom bħala sikuri ħafna u ordnati.
Ir-rapport juri li l-punteġġ medju fejn jidħol is-sodisfazzjon tax-xogħol tal-għalliema huwa ogħla mill-medja internazzjonali.
Fl-istudju pparteċipaw 3,865 student u studenta minn 100 skola primarja: 64 skola tal-Istat, 11-il skola indipendenti u 25 skola tal-Knisja.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li l-ħidma li għaddejja qed tagħti r-riżultati.