Intemm ix-xogħol ta’ restawr fuq il-Knisja ddedikata lit-Twelid tal-Madonna f’Ħal Lija.
Dan ix-xogħol sar taħt il-gwida tad-Direttorat tar-Restawr.
Ir-restawrta’ din il-Knisja kien wieħed minn għaxar proġetti taħt l-iskema tal-Kunsilli Lokali u kien ġie propost mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija.
Il-knisja ddedikata lit-Twelid tal-Madonna (magħrufa bħala ‘tal-Belliegħa’) tmur lura sal-1747 meta nbniet minflok oħra ddedikata lil-Lunzjata.
Ix-xogħol kien jinkludi intervent sabiex jitneħħa l-periklu minħabba ħsara lil-lanterna, it-tiswija tad-deffun tal-koppla, taibejt tal-knisja u tas-sagristija, it-tibdil u tiswija tat-twieqi, it-tindif tal-faċċata, it-tikħil tal-fili, u t-tibdil ta’ ġebel li kien iddeterjora.
Is-Sindku ta’ Ħal Lija, Anthony Dalli, qal li permezz ta’ dawn l-iskemi qed jibqa’ jiġi ssalvagwardat il-wirt kulturali ta’ pajjiżna.
Huwa żied jgħid li, bħala Kunsill, applikaw ukoll għal aktar restawr f’Ħal Lija biex b’hekk ikomplu isebbħu l-lokalità.
Waqt li rringrazzja lill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr għall-ħidma tagħhom favur binjiet storiċi, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, spjega li proġetti bħal dawn ikomplu juru biċ-ċar l-impenn tal-Gvern lejn il-wirt kulturali fil-lokalitajiet tagħna.
“Aħna impenjati li nirrestawraw iktar u iktar postijiet fil-qalba tal-komunitajiet tagħna. Illum kien imiss lil Ħal Lija, li għandu din il-Knisja tas-seklu tmintax, u sar xogħol ta’ restawr fuq iI-faċċata u fuq il-koppla.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, faħħret lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija u lill-Kunsilli Lokali oħra li għamlu użu tajjeb minn din l-iskema ta’ restawr billi pproponew binjiet storiċi fil-lokalità tagħhom biex jiġu restawrati.
Hija ħeġġet lill-Kunsilli Lokali oħra biex jersqu ’l quddiem bi proposti u proġetti ta’ restawr għax huma jafu l-aħjar x’inhuma l-bżonnijiet tal-lokalitajiet.
“Permezz ta din l-iskema ta’ restawr qed nisimgħu lill-Kunsilli Lokali, il-proposti tagħhom biex naslu fl-irkejjen tal-lokalitajiet tagħna biex il-postijiet storiċi jitgawdew minna u mill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.”
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Membri tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija u l-Kappillan, Dun Joe Cilia.