“Ma jistax ikun hemm paċi mingħajr ġustizzja u l-ebda ġustizzja mingħajr sens ta’ responsabbilità.”
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela waqt li indirizza s-Summit tal-Kunsill tal-Ewropa fl-Iżlanda. Dan huwa r-raba’ summit li qed isir minn mindu twaqqaf il-Kunsill tal-Ewropa.
Filwaqt li rrefera għall-fatt li, 74 sena wara t-twaqqif ta’ din l-organizzazzjoni Ewropea, l-Ewropa qed taffaċċja gwerra fl-Ukrajna, Dr Abela qal li dan is-Summit qed jgħaqqad lill-pajjiżi Ewropej favur l-Ukrajna u biex jinstabu soluzzjonijiet għal din il-kriżi.
“Ma jistax ikollna s-sliem mingħajr il-ġustizzja u ma jistax ikollna l-ġustizzja mingħajr sens ta’ responsabbiltà. Huwa għalhekk li jinħtieġ li nkomplu nappoġġjaw lill-Ukrajna kemm hemm bżonn sabiex niżguraw li dawk kollha li huma responsabbli jagħtu kont ta’ għemilhom u li d-drittijiet tal-vittmi għall-verità, għall-ġustizzja, u għall-kumpens jiġu ssodisfati.”
Il-Prim Ministru semma wkoll sfidi oħra li qed taffaċċja l-Ewropa, fosthom it-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni.
Dwar it-tibdil fil-klima, Dr Abela qal li għandhom jiżdiedu l-isforzi biex nipprevjenu u ntaffu l-impatt tagħha, waqt li fuq il-migrazzjoni sostna fuq it-tisħiħ tal-ġlieda kontra dawk li jittraffikaw il-migranti.
“Qed nitkellem dwar it-tibdil fil-klima, li dwarha rridu nżidu l-isforzi tagħna biex nipprevjenu u nnaqqsu kemm nistgħu t-tħarbit li tikkawża; il-migrazzjoni, li dwarha rridu nsaħħu l-ġlieda tagħna kontra t-traffikar u l-kuntrabandu tal-migranti filwaqt li nsaħħu l-appoġġ tagħna lill-Istati li qegħdin fuq quddiem nett kif ukoll lill-pajjiżi tal-oriġini u tat-tranżitu.“
Il-Prim Ministru qal li Malta hija ħerqana biex aktar pajjiżi demokratiċi Ewropej jissieħbu bħala Stati membri tal-Unjoni Ewropea.
Dr Abela għalaq id-diskors tiegħu billi semma l-valuri li tħaddan din l-organizzazzjoni Ewropea, fosthom il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija, u tas-saltna tad-Dritt. Huwa sostna li dawn il-valuri għandhom jiġu rispettati u protetti fost il-pajjiżi Ewropej.
“Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, u s-saltna tad-Dritt huma l-valuri fundamentali li għaqqduna flimkien. Ejjew niżguraw li nibqgħu nirrispettawhom, nippromwovuhom, u nipproteġuhom filwaqt li nżommu dejjem quddiem għajnejna x’hemm fuq in-naħa l-oħra tal-frażi ‘qatt aktar’.”