Fil-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, il-Bifobija, l-Intersessofobija u t-Transfobija, tħabbru t-tielet Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza għall-persunui LGBTIQ+ għall-ħames snin li ġejjin.
F’konferenza li għaliha attendew diversi partijiet interessati u membri tas-soċjetà ċivili, tħabbar ukoll li, wara evalwazzjoni li saret tal-istrateġija u l-pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza għalll-perjodu bejn l-2018 u l-2022, instab li ntlaħqu 80 fil-mija tal-miri.
B’kollox il-pjan ta’ azzjoni li tħabbar fih għaxar oqsma u 94 miżura li huma bbażati fuq diversi aspetti fejn persuni LGBTIQ+ għadhom jiffaċċjaw diskriminazzjoni jew trattament inekwu.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, għaddiet messaġġ b’saħħtu kontra l-mibgħeda lejn persuni LGBTQ+.
Hija fakkret fil-bidla progressiva li saret fl-aħħar snin; bidla li wriet riżultati b’saħħithom li jpoġġu lil Malta fil-quċċata fl-indiċi annwali tal-ILGA-Europe.
“Dan huwa Gvern li jisma’. Għaldaqstant, din il-konsultazzjoni saret wara li smajna l-esperjenzi tal-komunità nnifisha u, abbażi ta’ dawk l-esperjenzi, ħriġna b’miżuri. Għandna għaxar oqsma li qed niffukaw fuqhom u aktar minn disgħin miżura li se nkunu qed ninplimentaw fil-ħames snin li ġejjin.”
Is-Segretarju Parlamentari wasslet messaġġ ta’ pożittività u saħqet li l-ħidma tal-Gvern se tkompli favur id-drittijiet umani tal-persuni LGBTQ+.
Intant, il-Kap tat-Taqsima tal-orjentazzjoni Sewwali, l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru, u l-Karatteristiċi Sesswali fi ħdan id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem, Clayton Mercieca, qal li għandna nkomplu nrawmu soċjetà aktar inklussiva fejn kull persuna tkun tista’ tgawdi d-drittijiet fundamentali tagħha. Huwa fakkar li r-riskju tad-diżinformazzjoni għadu preżenti u ħafna drabi din tkun ibbażata fuq esaġerazzjoni u sensazzjonaliżmu li jinfirxu malajr.