Waqt li qed jattendi għal-Laqgħa Għolja tal-Kunsill tal-Ewropa f’Rejkjavik, il-Prim Ministru Robert Abela ffirma l-Ftehim tal-Kunsill tal-Ewropa li jistabbilixxi r-Reġistru Internazzjonali tad-Danni kkawżati mir-Russja waqt l-invażjoni tagħha fl-Ukrajna.
Dan ir-reġistru se jservi bħala dokumentazzjoni ta’ evidenza li jkun jista’ jintuża fil-futur biex tiġi żgurata r-responsabbiltà finanzjarja ta’ min qed iwettaq l-aggressjoni fl-Ukrajna.
Dan il-ftehim isegwi r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, li rrikonoxxew il-ħtieġa li jiġi stabbilit mekkaniżmu internazzjonali għar-riparazzjoni tad-danni kkaġunati minn atti internazzjonali illegali matul il-gwerra fl-Ukrajna.
Dan il-ftehim mill-Kunsill tal-Ewropa qed isir fir-raba’ Summit li din l-organizzazzjoni Ewropea għamlet fl-74 sena li ilha teżisti.