Raġel bi storja ta’ reati vjolenti reġa’ spiċċa l-ħabs, din id-darba talli seraq minn ġo karozza pparkjata u weġġa’ lil sidt il-vettura.
Wadea Al Maghrbi, Libjan ta’ 32 sena li m’għandux saqaf fuq rasu, intbagħat erba’ snin ħabs mill-Maġistrat Gabriella Vella b’rabta ma’ każ li seħħ f’Marzu tas-sena l-oħra, meta l-akkużat seraq minn ġo karozza li kienet ipparkjata fil-Floriana.
Waqt is-serqa, marret sidt il-karozza tipprova twaqqfu u dan weġġagħha u telaq minn fuq il-post.
Permezz ta’ filmati minn kameras tas-sigurtà u informazzjoni li kellha l-mara, il-Pulizija sabu lir-raġel fil-Marsa u arrestawh dakinhar stess.
Qabel wettaq dan ir-reat, ir-raġel kien ilu biss xhur li ħareġ mill-ħabs, fejn skonta sentenza b’rabta ma’ serqa oħra vjolenza li fiha wkoll kien żamm mara kontra r-rieda tagħha u weġġagħha.
Il-mara kienet ittieħdet f’ċentru tas-saħħa u ġiet iċċertifikata bi ġrieħi ħfief.
Minbarra s-sentenza ta’ erba’ snin ħabs, il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni ta’ tliet snin fil-konfront tal-vittma.
Din mhix l-ewwel darba li l-imputat xellef diffrejh mal-ġustizzja. Seba’ snin ilu kien ġie akkużat li ta daqqiet ta’ sikkina lil persuna li kienet tgħix miegħu, u sentejn ilu spiċċa l-Qorti talli pprova joqtol raġel b’daqqiet ta’ arma tal-metall.
Ritratt: djedzura