Żagħżugħ ta’ 26 sena mill-Estonja li m’għandux indirizz fiss f’Malta, ingħata sentenza sospiża wara li ammetta li kien fil-pussess ta’ ponn tal-ħadid; li f’Malta huwa illegali.
Il-Prosekuzzjoni qalet lill-Qorti li ż-żagħżugħ ġie arrestat ilbieraħ filgħodu wara li l-Pulizija sabulu l-arma fil-but f’San Pawl il-Baħar.
Id-Difiża spjegat li l-akkużat kien għadu kif sab il-ponn tal-ħadid u kien lest li jammetti. Huwa kkopera mal-Pulizija wara li twaqqaf mill-uffiċjali.
Fil-Qorti ġie spjegat kif il-piena marbuta mal-ġarr ta’ arma fil-pubbliku mingħajr liċenzja tal-Pulizija, tvarja minn tliet xhur sa għaxar snin ħabs – jiddependi fuq it-tip ta’ arma u fatturi oħra.
Fid-dawl li ż-żagħżugħ ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, l-imputat ingħata sentenza ta’ tliet xhur ħabs, sospiżi għal sena.
Il-Qorti ordnat ukoll li l-ponn tal-ħadid jiġi kkonfiskat.
Ritratt: Shutterstock