Infrastruture Malta (IM) qed tikkonkludi xogħlijiet fuq Triq id-Difiża Ċivili fil-Mosta b’investiment ta’ €1.7 miljun. Għall-ewwel darba, din it-triq li tgħaqqad il-Mosta man-Naxxar, saret mill-ġdid b’infrastruttura li tinċentiva l-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport bħar-rota u l-mixi.
Dan ħabbru l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ IM, Ivan Falzon waqt żjara li għamlu fuq il-post.
F’dan il-proġett, IM ħolqot passaġġ pedonali kontinwu u sigur tul it-triq kollha. Ġiet introdotta wkoll korsija segregata għar-roti biex tinkoraġġixxi l-użu tagħhom. Dan il-proġett jibni fuq il-viżjoni li l-aġenzija ħabbret aktar kmieni dan ix-xahar fejn preżentat il-pjan tagħha għall-mobilità attiva b’investiment ta’ €35 miljun.
F’dan il-proġett ġew inkorporati wkoll numru ta’ pedestrian crossings, u waqfiet għal tal-linja f’postijiet strateġiċi fit-triq li joffru aktar sikurezza għal min jagħmel użu minnhom. Saret ukoll sistema ġdida ta’ dwal tat-toroq, filwaqt li ngħaddew 1km ta’ servizzi ġodda li jinkludu cables tal-Enemalta u tat-telefonija, flimkien ma’ 300 metru ta’ xogħlijiet f’infrastruttura għall-ilma.
Il-Ministru Aaron Farrugia tenna l-importanza ta’ proġetti li jpoġġu fiċ-ċentru tagħhom lin-nies u li joffru infrastruttura sigura għal kull min jagħmel użu minnhom, irrispettivament mill-mezz li bih ikunu qed jivvjaġġaw. Huwa fisser kif tul l-aħħar xhur, IM kienet qed tara li l-proġetti li tiddisinja jkunu proġetti li jħeġġu lin-nies jagħmlu użu minn mezzi alternattivi ta’ trasport.
“Il-kunċett ta’ infrastruttura għan-nies mhux sempliċiment slogan li qed nużaw, iżda huwa l-mod li bih qed inwettqu u nimplimentaw numru ta’ proġetti differenti. Din it-triq hija eżempju ieħor minn kullana ta’ proġetti li juru kif permezz ta’ ppjanar nistgħu noħolqu proġetti li jgawdi minnhom kulħadd,” ikkonkluda l-Ministru Farrugia.
Għal din iż-żjara kien hemm preżenti wkoll membri mill-Kunsill Lokali tal-Mosta.