Il-plastik insibuh kullimkien, u huwa speċjalment viżibbli fuq il-bajjiet bir-ramel.
Iżda l-biċċa l-kbira tal-plastiks ma jiddegradawx u, minflok, jifframmentaw bil-mod f’partiċelli iżgħar, imsejħa mikroplastiks u nanoplastiks.
Dawn huma ta’ ħsara kemm għall-ambjent kif ukoll għas-saħħa tal-bniedem u ta’ ħlejjaq oħrajn.
Dan u aktar kienu s-suġġett ta’ diskussjoni ma’ diversi studenti minn skejjel differenti fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, l-Esplora, u li fiha ġiet imnedija l-app Andromeda.
L-app, li ġiet żviluppata permezz ta’ fondi Ewropej, tgħaqqad l-użu tax-xjenza mal-Intelliġenza Artifiċjali sabiex tippermetti r-rappurtar u l-irkupru tal-mikroplastiks mill-bajjiet min-nies. B’hekk, wieħed se jkun jista’ jassisti kemm fl-isforzi relatati mar-riċerka kif ukoll fil-ħarsien tal-ibħra u fil-ġestjoni tal-bajjiet.
Il-Professur Alan Deidun, bijologu tal-baħar u l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Oċeani, għen fl-iżvilupp tal-app Andromeda. Huwa spjega li permezz tal-app kulħadd se jkollu l-opportunità li jiġbor il-mikroplastik minn fuq żewġ bajjiet differenti.
“Dak li jkun fuq żewġ bajjiet fis-sajf, jiġifieri Golden Bay u anke l-Għadira, jkun jista’ jmur fuq il-beach supervisor tal-MTA, titolbu biex tipparteċipa – fejn se jkollu l-għodda kollha u jurik eżatt kif tagħmilha l-biċċa ta’ xogħol.”
Il-Professur Deidun spjega li, wara li tkun użajt l-għodod, tieħu ritratt tal-microplastik u tttellgħu fuq l-app. Din l-app, wara, tagħtik informazzjoni dwar dawn il-mikroplastiks.
Imbagħad, dawn il-mikroplastiks se jintremew f’kontenituri tal-ħġieġ .
“Anke se nkunu nafu x’tip ta’mikroplastik ikun hemm fuq il-bajjiet, għax vera li se nibdew fuq żewġ bajjiet din is-sena imma l-pjan huwa li tintuża f’aktar bajjiet f’Malta u, għaliex le, anke mal-Ewropa kollha.”
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, osservat li minn proġetti bħal dawn toħroġ l-informazzjoni u l-Gvern ikun jista jifhem il-problemi li qed jaffaċċja dan is-settur tant kruċjali u jaġixxi aħjar.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għal Fondi Ewropej, Chris Bonett, irrimarka li, permezz ta din l-app, il-baħar se jkun qed jiġi studjat biex jiġi żgurat li jinħolqu strateġiji adegwati li jħarsu l-baħar.
Ritratt: snexplores.org