Imniedi programm ta’ rinovar u mmodernizzar tal-għases distrettwali tal-Pulizija b’investiment ta’ aktar minn €500,000 għal ambjent aktar dinjituż li joffri servizz aħjar. Dan ħabbru l-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Carmelo Abela waqt żjara li għamel lix-xogħlijiet ta’ rinovar għaddejin fl-għassa ta’ Birżebbuga.
Irrimarka li b’konformita’ mal-programm elettorali fl-aħħar tmien xhur b’ħidma konġunta bejn il-Ministeru għall-Intern u l-Korp tal-Pulizija tnieda dan il-programm. Fl-ewwel fażi tiegħu se jara rinovar serju fi 8 għases f’lokalitajiet differenti, magħżula skont il-il-kundizzjonijiet tal-għassa u d-domanda għas-servizz. Ix-xogħol ta’ rinovar maġġuri beda jsir fl-għases ta’ Birżebbuga, Żabbar u Żejtun inkluż fuq il-faċċata ta’ barra li għandha valur ta’ wirt storiku. Fil-ġimgħat li ġejjin se jibda wkoll xogħol fuq l-għassa ta’ tas-Sliema, Marsaxlokk, Imsida, Bormla. Se jsir ukoll xogħol ta’ manutenzjoni fl-għassa tal-Fgura.
L-Onorevoli Abela saħaq li l-għases distrettwali f’pajjiżna kienu ilhom ma jingħataw attenzjoni għal kwart ta’ seklu, tant li numru sew minnhom jinsabu fi stadju ta’ abbandun, li mhux adattat biex jaqdu l-funzjonijiet tagħhom. Hawn huwa innota, li eżempju l-għassa ta’ Birżebbuga inxtrat mill-Gvern f’Diċembru tal-1985. Din twaqqgħet u nbniet sena wara fl-1986. Skont ir-records tal-Pulizija din hija l-aħħar sena li fiha sar xogħol ta’ rinovar jiġifieri propju 30 sena ilu.
Abela spjega kif preżentament ix-xogħol li qiegħed isir l-għases imur lill’hinn minn dak li kien isir qabel ta’ manutenzjoni iżda qed jinqalgħu ta’ taħt nett. Xogħlijiet kbar li qed jaraw anke bidla fis-sistemi tad-dawl, l-ilma, tad-drenaġġ flimkien ma qlugħ ta’madum, xogħol ta’ tikħil u installazjoni ta’ arja kkundizjonata. Qed isir ukoll xogħol fuq is-sistemi tan-networks tat-teknoloġija informatika u xogħol fuq il-faċċati ta’ barra.
Is-sigurta’ fl-għases ukoll qed tingħata attenzjoni permezz ta’ istallazzjonijiet ta’ CCTV cameras li huma tant bżonnjużi.
Il-Ministru għall-Intern sostna wkoll li nuqqas ieħor li qiegħed jiġi indirizzat huwa dak fejn jidħo l-aċċessibilita’. Għaldaqstant beda jsir xogħol fl-għases biex dawn isiru wkoll aċċessibli għal persuni b’diżabilita’.
“Il-bidla li qed iseħħ. Din hija l-fażi li minna għaddej il-Korp tal-Pulizija lejn Korp li jkun wieħed modern u attrezzat għal ħtiġijiet kontra l-kriminalita’ ta’ llum u għada. Nemmnu li l-Pulizija tad-distretti huma l-polz tal-Korp u dan nuruh bil-fatti”, qal il-Ministru Abela.
Il-Ministru temm jgħid illi is-servizz tal-Pulizija fid-distretti ukoll qed jara tisħiħ tant li preżentament aktar minn 1,000 pulizija, jiġifieri madwar nofs il-membri tal-Korp tal-Pulizija huma stazzjonati f’għases differenti. L-għan jibqa iż-żieda fir-rondi kemm bil-vetturi u bil-mixi għal pulizija qrib il-komunita’.