Sharlon Pace mistenni li jibqa President ta’ Gzira United dan wara li t-Tnejn filgħaxija saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-klabb. Jidher li fl-aħħar jiem, minkejja li Pace kien wera l-intenzjonijiet tiegħu li jieqaf, ħadd ma’ resaq il-quddiem sabiex jieħu l-Presidenza tal-klabb f’idejħ.
Sorsi li kienu preżenti waqt il-laqgħa tal-bieraħ sostnew li Pace tenna li mhux ha jħalli lill-klabb fid-dlam u lest li jkompli jmexxi lill-klabb bħala President għal istaġun li ġej. Huwa mifhum li Gzira se jkunu qedin inaqsu mill-budget tagħhom għal istaġun li ġej iżda t-tim se jibqa wieħed kompetittiv bl-għan prinċipali li jispiċċaw mal-ewwel erba postijiet fil-klassifika tal-Kampjonart Premier.
Il-konferma ta’ Pace twassal għal konferma oħra hekk kif anke l-kowċ Darren Abdilla lest li jkompli jmexxi lit-tim għal staġun ieħor minkejja interess ta’ numru ta’ klabbs oħra ewlenin fosthom Floriana. B’kull probabilita anke l-assistent kowċ Andrew Cohen mistenni li jġedded il-kuntratt tiegħu mal-maroons.