Bejn il-ħamsa u l-għaxra ta’ Ġunju, fil-Belt Valletta se jirritorna l-avveniment annwali Cinema City.
Tul dawn is-sitt ijiem se jintwerew għadd ta’ films fi Ġnien Laparelli.
L-inizjattiva, organizzata mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, se tinkludi films ta’ ġeneri varji u li ntgħażlu minn voluntiera.
Iċ-Chairman tal-Aġenżija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, fakkar fil-ħsieb oriġinali tal-aġenzija: dak li tagħti ħajja ġdid lill-Belt Valletta b’diversi inizjattivi.
“Il-ħsieb huwa dejjem wieħed komuni: li r-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali, u kulturali nżewġuhom dejjem flimkien fl-ispazji miftuħin differenti fil-Belt Valletta – din l-esperjenza unika, ċelebrazzjoni unika kulturali. Imma, naturalment, kulturali b’mod soċjali, fejn in-nies tiltaqa’, fejn in-nies tieħu gost.”
Minn naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, innota l-importanza li dawn l-avvenimenti għandhom għat-talent lokali.
“Dawn huma inizjattivi li jkomplu jagħtu opportunitajiet lill-artisti infushom biex jesebixxu x-xogħol tagħhom. Fil-fatt, parti mil-lista tal-films huma films Maltin, fosthom ‘Blood on the Crown’, illi allura qed tagħti opportunità ġdida, pjattaforma ġdida, biex dak li jkun ikun jista’ jara t-talent lokali.”
Fil-fatt, se jintwera film kuljum fid-disgħa ta’ filgħaxija. Dawn se jkunu Inglourious Basterds, The Book of Life, Blood on the Crown, Merjen, Sideways, u Back to the Future.
Filwaqt li l-wiri ta’ dawn il-films huwa bla ħlas, min hu interessat hu mitlub jikseb il-biljetti mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi Triq ir-Repubblika. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta.