Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn Jannar u Marzu, ġew approvati kważi ħames mitt (496) permess għall-bini ta’ abitazzjonijiet.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, u jfisser total ta’ aktar minn elfejn u ħames mitt (2,540) residenza privata ġdida.
Meta mqabbel mal-kwart ta’ qabel, jiġifieri bejn Ottubru u Diċembru tas-sena l-oħra, ħareġ li kien hemm żieda ta’ mija disgħa u tletin permess ġdid għal abitazzjonijiet.
Matul dawn l-ewwel tliet xhur tas-sena, l-aktar tipi ta’ residenzi privati li ġew approvati kienu l-appartamenti: aktar minn 71 fil-mija. Dan filwaqt li warajhomm bħala ammont, hemm il-penthouses u l-maisonettes.
L-aktar numru ta’ residenzi privati approvati f’dawn l-ewwel tliet xhur tas-sena kienu fit-tramuntana tal-pajjiż, waqt li l-inqas għadd ta’ binjiet approvati kienu fin-naħa tal-Port il-Kbir.
Infatti, l-aktar lokalitajiet li fihom ġew approvati residenzi privati f’dan il-perjodu msemmi huma San Pawl il-Baħar, in-Naxxar, il-Mellieħa, Ħal Balzan, u Birkirkara.