Malta se jkollha t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku fost is-sebgħa u għoxrin pajjiż tal-Unjoni Ewropea, kemm din is-sena kif ukoll is-sena d-dieħla.
Dan ħareġ mit-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea għar-Rebbiegħa, li jsir minn esperti indipendenti li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd u li ġie ppubblikat dalgħodu.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li din is-sena Malta se jkollha tkabbir ekonomiku ta’ kważi 4 fil-mija, waqt li s-sena d-dieħla pajjiżna se jkollu tkabbir ekonomiku ta’ 4.1 fil-mija.
TBASSIR EKONOMIKU TAL-KUMMISSJONI EWROPEA
TKABBIR EKONOMIKU F’MALTA
2023: 3.9%
2024: 4.1%
F’dan it-tbassir tar-Rebbiegħa, il-Kummissjoni Ewropea rrevediet ’il fuq it-tbassir tat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna meta mqabbel ma’ dak ta’ Frar li għadda. Dan hekk kif mit-tbassir ekonomiku tax-xitwa għal dak tar-rebbiegħa kien hemm żieda ta’ kważi punt perċentwali din is-sena u s-sena d-dieħla żieda ta’ nofs perċentwal.
F’dan it-tbassir joħroġ ukoll li, kemm din is-sena kif ukoll is-sena d-dieħla, l-ekonomija Maltija se tikber ferm aktar mill-medja tat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Dan hekk kif din is-sena hemm differenza ta’ kważi tlieta fil-mija, waqt li s-sena d-dieħla se jkun hemm differenza ta’ 2.4 fil-mija.
L-uniku pajjiż li se jkollu tkabbir ekonomiku akbar minn ta’ pajjiżna huwa l-Irlanda.
Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni Ewropea nnutat li s-sena l-oħra pajjiżna kellu tkabbir ekonomiku b’saħħtu permezz ta’ żieda fid-domanda domestika, l-esportazzjoni tas-servizzi u anki permezz ta’ rkupru b’saħħtu fis-settur turistiku.
“The Maltese economy grew strongly by 6.9% in 2022, driven by domestic demand and export of services, benefiting from the further recovery in tourism.”
F’dan ir-rapport ħareġ ukoll li l-impjiegi f’pajjiżna se jkomplu jiżdiedu b’mod robust, waqt li ntqal li l-akbar sfida se tkun dik tan-nuqqas ta’ ħaddiema.
“Malta maintains a high pace of employment growth. Employment increased by an impressive 6.0% in 2022. Demand for labour increased across various sectors of the economy, both public and private, and was especially strong in tourism and administrative services.”
Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar ukoll li l-qgħad f’pajjiżna se jżomm rata stabbli ta’ 2.9 fil-mija. Dan hekk kif Malta qed tirreġistra fost l-inqas rati ta’ qgħad fl-istorja.
Il-Kummissjoni Ewropea nnutat ukoll li l-miżuri tal-Gvern fis-settur tal-enerġija kienu importanti biex żammew il-kontijiet tad-dawl stabbli.
Is-sena l-oħra u din is-sena, il-gvern Malti investa biljun ewro sabiex iżomm, fost l-oħrajn, il-prezzijiet tal-enerġija stabbli għall-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet ukoll li dan is-sussidju fil-prezz tal-enerġija mistenni jibqa’ hemmhekk din is-sena u s-sena d-dieħla wkoll.
“Sizeable government measures helped to keep energy prices unchanged in Malta. They are expected to remain in place also in 2023 and 2024.”
Ġie nnutat li, is-sena l-oħra, id-differenza bejn l-ogħla rata u l-anqas rata ta inflazzjoni kienet ikkaġunata l-aktar mill-fattur tal-enerġija; fattur li varja minn zero fil-mija f’Malta għal aktar minn sebgħin fil-mija fl-Olanda.
“Inflation dispersion in 2022 was largely driven by differences in its energy component (ranging from 0% in Malta to 70.5% in the Netherlands) and, to a smaller extent, in food.”
L-inflazzjoni se tonqos sew sas-sena d-dieħla, hekk kif se tinżel għal 2.8 fil-mija. Dan meta s-sena li għaddiet, l-inflazzjoni kienet ta’ 6.1 fil-mija.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet ukoll li d-defiċit mistenni jinżel din is-sena u s-sena li ġejja.
Intqal ukoll li, bit-tkabbir ekonomiku, id-dejn nazzjonali se jibqa’ taħt is-sittin fil-mija.
“Thanks to robust GDP growth, public debt is forecast to remain below 60% of GDP.”
AQRA WKOLL: