Jekk hawn forza politika f’pajjiżna li kapaċi ġġib il-bidla, din hija l-Partit Laburista mill-Gvern.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela waqt li kien qed jiġi intervistat mill-ġurnalist ta’ ONE, Samuel Lucas.
Dr Abela tkellem fi tmiem ġimgħa, li matulha kellu diversi żjarat li fihom dejjem għadda messaġġ dwar il-ħtieġa tal-bidla.
Huwa nnota kif pajjiżna fil-futur għandu jħares lejn żewġ bidliet importanti; il-bidla diġitali u dik ambjentali.
Kien hawn illi għamel referenza għal dak li ra fil-Public Service Expo, li fiha kien hemm diversi esebizzjonijiet dwar il-ħidma tas-Servizz Pubbliku f’pajjiżna.
Dr Abela nnota kif il-qalba diġitali tista’ tiġi adottata f’diversi oqsma tal-ħajja li jwasslu għal aktar effiċjenza miċ-ċivil.
Qal, “Proġetti pilota illi bħalissa ċ-Ċivil qiegħed jimplimentahom, fl-agrikoltura, jekk hux qed nitkellmu s-servizz tas-saħħa, jekk hux qed nitkellmu l-qasam tal-ġustizzja. Iġifieri tara kemm l-introduzzjoni tad-diġital kemm tagħti aktar effiċjenza u minn din l-effiċjenza min igawdi. Igawdi ċ-ċittadin, jiġifieri iktar effiċjenza, tranżizzjoni diġitali fl-aħħar mill-aħħar se nkunu qegħdin nagħtu servizz illi jgawdi minnu ċ-ċittadin.”
Il-Prim Ministru afferma l-importanza li għandha l-qalba ambjentali għal pajjiżna. Minkejja li nnota kif din hija qalba ambizzjuża u li tirrikjedi ħidma ffukata, Dr Abela stqarr kif il-Gvern qiegħed ikun ta’ spalla mal-poplu biex jagħmel din il-qalba b’mod aktar effiċjenti.
Huwa qal li l-miri ambjentali jistgħu jinkisbu biss bis-sehem ta’ kulħadd, f’diversi setturi fosthom il-kostruzzjoni.
Qal, “Biex naslu għal din il-mira b’suċċess irridu nkunu ambizzjużi hemmhekk, imma rajna kif l-iżvilupp jista’ jseħħ b’mod intelliġenti jiġifieri jkollok żvilupp illi, iva jista’ jibqa’ għaddej, imma fl-istess waqt jirrispetta l-kriterji ambjentali. Jekk hux qed nitkellmu dwar teknoloġiji ġodda ta’ kif wieħed iwettaq il-kostruzzjoni l-użu ta’ materjali differenti fosthom għal dak li jirrigwardja l-insulation, l-energy efficiency.”
Dr Abela ma naqasx milli jikkuntrasta l-għatx għall-bidla, mal-aġir tal-Oppożizzjoni.
Fil-fatt huwa semma kif ġabu ruħhom esponenti tal-Oppożizzjoni b’rabta mal-emendi tal-liġi tal-IVF, li wasslu biex għexieren ta’ persuni setgħu jsiru ġenituri iżda li għalihom l-Oppożizzjoni vvutat kontra.
Qal, “Semagħhom kulħadd, illi jkollok kelliema ewlenin u aspiranti jidher għal affarijiet ikbar fil-Partit Nazzjonalista illi jgħidulek li l-vot tagħna kontra dawn l-emendi ftit tax-xhur ilu, illum jibqgħu jgħidu illi kellhom raġun. Illi d-deċiżjoni dakinhar tagħhom illi jivvutaw kontra isostnuha llum. Jien nistaqsihom x’wiċċ għandhom dawn fi ħdan tant persuni li bbenefikaw minn dawn l-emendi, fil-kuntest ta’ kompli li se jsiru ġenituri imorru dawn pubblikament u jitkellmu u jgħidulhom, ‘Aħna ivvutajna kontrikom bil-qalb’.”