F’analiżi li fiha jiffoka fuq l-irwol kruċjali tal-Qrati, l-editorjal tal-gazzetta Illum appella għal riforma ta’ sistema li sejħilha “imperfetta”.
L-editorjal fakkar li l-ġudikanti llum ma jistgħux jgħidu li m’għandhomx kundizzjonijiet ta’ pagi tajbin jew li ma għandhomx strutturi li jiggarantixxu l-liberta u l-indipendenza tagħhom, minbarra li għandhom id-dritt jagħżlu huma stess lill-Prim Imħallef.
Il-gazzetta appellat biex il-Qrati jkunu aktar sinċieri mal-prinċipji tal-ġustizzja. “Ma jistax ikun li hemm inkonsistenzi grassi fis-sentenzjar, preġudizzji rampanti, kif ukoll interpretazzjoni limitata tal-liġi. Ma jistax ikun li fejn ikun hemm kunflitti ta’ interess ma jiġux dikjarati u, fuq kollox, ma jistax ikun li hemm biżibilju każijiet pendenti, inkjesti pendent, u kif ukoll diferimenti kontinwi,” ilmentat il-gazzetta.
Filwaqt li rrimarkat li s-sistema qatt ma tkun mija fil-mija perfetta, il-gazzetta qalet li “din id-darba s-swaba’ qed jippuntaw lejn il-ġudikant u mhux lejn il-Gvern”.