L-edizzjoni tas-sena d-dieħla tal-Eurovision Song Contest se ssir l-Iżvezja wara li s-Sibt filgħaxija rebħet il-gran finali tal-2023 f’Liverpool ir-Renju Unit bil-kanzunetta ‘Tattoo’ kantana minn Loreen. Hija kisbet total ta’ 583 punt.
Din hija t-tieni darba li Loreen rebħet dan il-festival internazzjonali prestiġġjuż, wara r-rebħa li kellha fl-Ażerbajġan fl-2012 bil-kanzunetta ‘Euphoria’. B’din ir-rebħa, l-Iżvezja b’kollox ġiet l-ewwel fil-Eurovision seba’ darbiet, u dan jagħmilha -flimkien mal-Irlanda – l-aktar pajjiż li qatt ħa t-trofew.
Malta kienet wieħed mill-pajjiżi li taw l-ogħla punteġġ, 12-il punt, lill-Iżvezja.
Fit-tieni post ġiet il-Finlandja b’526 punt (b’ Käärijä – ‘Cha Cha Cha’) u fit-tielet post Iżrael vi 362 punt (b’Noa Kirel – ‘Unicorn’).
B’kollox f’dan il-gran finali ħadu sehem 37 pajjiż, li Malta ma kinitx magħhom wara li ma kkwalifikatx mill-ewwel semifinali li sar it-Tlieta.
L-edizzjoni ta’ din is-sena ġiet organizzata mir-Renju Unit f’isem l-Ukrajna, li s-sena l-oħra rebħet il-festival b’Kalush Orchestra bil-kanzunetta tagħhom ‘Stefania’. L-Ukrajna, naturalment, mhix f’pożizzjoni li torganizza avveniment tal-massa bħal dan minħabba l-aggressjoni militari Russa kontriha.
Il-festival ma naqasx milli jonora lill-Ukrajna tul il-lejla. Saħansitra, il-Prinċipessa ta’ Wales, Kate, esprimiet l-appoġġ tagħha għal dan il-pajjiż taħt attakk billi dehret iddoqq il-pjanu f’vidjow li xxandar fil-ftuħ tal-gran finali bħala parti mir-rappreżentazzjoni li taw il-Kalush Orchestra.