Il-Ħadd filgħodu, l-aġenzija Infrastructure Malta se tiftaħ it-toroq ta’ madwar ir-roundabout ta’ ħdejn l-Ajruport.
Dan hekk kif is-Sibt waranofsinhar beda jingħata l-aħħar saff ta’ asfalt f’dan il-proġett infrastrutturali importanti fin-naħa ta’ isfel tal-pajjiż, tal-proġett tal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection.
ONE News żar il-lant tax-xogħol li għaddej f’din l-aħħar fażi ta’ dan il-proġett, fejn tkellimna mal-Perit responsabbli mill-proġett, Anton Zammit.
Huwa spjega x-xogħol li qiegħed isir sabiex dan il-proġett ikun komplut u miftuħ kompletament għat-traffiku.
“Qegħdin hawnhekk illum għaliex din hija l-aħħar fażi ta’ dan il-proġett. Illum qed nagħtu l-asfalt, l-aħħar layer ta’ asfalt madwar ir-roundabout.”
Il-Perit qal li dan ix-xogħol sar is-Sibt waranofsinhar minħabba t-traffiku u anki minħabba li dan il-proġett jinsab biswit l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
“Għamilniha s-Sibt waranofsinhar dan il-ħin għaliex jidrilna li huwa l-inqas ta’ pressure fit-traffiku u allura ħa nibdew minn issa mill-4pm u nispiċċaw l-asfalt għal 11pm jew 12am. Biss imbagħad l-asfalt irid jiksaħ u niftħuha għada filgħodu, il-Ħadd fid-9am.”
Il-Perit Zammit spjega magħna li wara li t-toroq jinfetħu kompletament, isir ix-xogħol ta’ finishings.
“Dan il-proġett tista’ tgħid li ħa jkun kompletament lest, jiġifieri s-sewwieqa ħa jużaha fil-massimu tiegħu. Li jkun wieħed qed jara jkun huwa xogħol żgħir, jiġifieri jkun hemm difetti żgħar li qegħdin jiġu rranġati u jkollna wkoll il-line markings u u tabelli li qegħdin isiru l-punti finali li qed isiru fl-aħħar biċċa tax-xogħol.”
Biex tista’ ssir din l-aħħar fażi ta’ dan il-proġett, kien hemm kordinazzjoni tat-traffiku mill-uffiċjali tat-Transport Malta, hekk kif it-toroq li jduru mar-roundabout jinsabu magħluqin.