Ir-raba’ tagħtik kemm tagħmel magħha, ġid, hena u s-saħħa.
Din hija l-idea li jimxu magħha Stephen Mizzi u Liam Stafrace, żewġ persuni neqsin mid-dawl li ta kulljum imorru jaħdmu f’għalqa ġewwa l-Imtaħleb.
Dawn iż-żewġ persuni qed jaħdmu grazzi għall-iskema Access to Employment, immexxija minn JobsPlus bħala l-aġenzija nazzjonali tal-impjiegi.
Din l-iskema toffri appoġġ permezz ta’ fondi Ewropej lil min jimpjega, biex jimpjegaw persuni żvantaġġjati u b’diżabilità.
B’hekk, dawn il-persuni jkunu jistgħu jtejbu l-opportunitajiet tagħhom li jsibu impjieg u jidħlu fis-suq tax-xogħol billi jakkwistaw esperjenza diretta tal-post tax-xogħol.
“Jien wara sebgħa u għoxrin sena li tlift id-dawl ta’ għajnejja qbadt naħdem hawnhekk l-Imtaħleb niżra, nsaqqi is-sedja, naqta tadamu niżra tadam”.
Min-naħa tiegħu, Liam Stafrace qal li din l-iskema tnaqqas l-iżvantaġġi ta’ dawn il-persuni u jżid il-forza tax-xogħol.
“L-iskema hija avant-gardeh kienet ta kuraġġ li bdejt naħdem ukoll għalija bħala trainee qed nitgħallem inkun employer biex inkun”.
L-applikanti li jidħlu fl-iskema A2E jirċievu sussidju ta’ €110.93(full-time) jew €55.47 (part-time) fil-ġimgħa għal kull impjegat ġdid. Fil-każ ta’ persuni b’diżabilità reġistrati, jingħata sussidju ta’ €166.40 (full-time) jew €83.20 (part-time).
L-ammont allokat għal din l-iskema huwa ta’ €3 miljuni.
L-applikanti eliġibbli huma dawk li jimpjegaw u li għandhom xi attività ekonomika li tinkludi sħubijiet, kumpaniji, negozji tal-familja, assoċjazzjonijiet, individwi self-employed u gruppi oħra, NGOs u msieħba soċjali.
Min-naħa tagħhom, l-għaqda Visual Non-Visual Network faħħru din l-iskema li permezz tagħha persuni li huma għomja għandhom iktar opportunità ta’ xogħol.
Il-Visual Non-Visual Network bdiet il-ħidma tagħha fl-2013, u minn dakinhar il-proġetti ma waqfux.
Il-Fundatur, Noel Farrugia spjega li din l-għaqda se tkompli timbotta favur skemi bħal dawn.
“Permezz ta din l-iskema qedha titwessa iktar l-opportunità tal-inklużjoni soċjali f’dak li aħna nifhmu li hu l-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta’ pajjiżna.”
Min-naħa tiegħu, Raphael Scerri mill-aġenzija JobsPlus spjega li fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, fl-iskema A2E jiġu aċċettati kemm kuntratti indefiniti u kemm definiti, imma mhux ħaddiema każwali jew staġjonali u apprentistati.
Scerri, li huwa il-Kap tad-Diviżjoni tas-Servizzi tal-Ħaddiema spjega li dawk li huma eliġibbli li jibbenefikaw minn din l-iskema u jixtiequ japplikaw għaliha, għandhom jissottomettu l-applikazzjoni elettronikament u l-ingaġġ irid isir sal-aħħar ta’ Diċembru 2027.