Il-ħaddiema taċ-ċivil faħħru l-fatt li fl-aħħar snin, is-Servizz Pubbliku għamel investiment kbir fil-qalba diġitali.
Dan waqt li tkellmu fit-tieni Kabinett li kien miftuħ għan-nies, li sar fl-Expo tas-Servizz Pubbliku, li sar fl-MFCC f’Ta’ Qali.
Iċ-Chief Information Officer fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Joseph Tedesco ħabbar li sar tibdil fis-siti tal-Gvern u se jkun qed isir tibdil ukoll fis-siti tad-dipartimenti.
“Is-CIO huwa l-persuna responsabbli li jinżamm il-branding ċentrali tal-Gvern u llum bi pjaċir ngħid li qed iniedu branding kompletament ġdid għas-siti tal-Ministeri. Fil-ġimgħat li ġejjin, nibdew ir-rebranding tal-websites tad-dipartimenti.”
L-Uffiċjal fil-Ministeru tas-Saħħa Sharon Young qalet li fl-aħħar snin sar investiment kbir fit-teknoloġija u anki investiment fir-riżorsi umani.
“Matul dawn is-snin, is-Servizz Pubbliku tani opportunità li nimrah u nevolvi fil-karriera tiegħi. U mhux biss, ngħix l-avventura kuljum, mal-kollegi tiegħi, pero anki tani opportunita li nidderieġi u nieħu sehem flimkien ma’ tims differenti fi proġetti kbar u intensivi, li jagħmlu differenza fis-settur tas-saħħa u anki liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.”
Dan filwaqt li l-Kap Eżekuttiv tal-MITA, Emmanuel Darmanin qal li għodda bħall-intelligenza artifiċjali hija importanti biex is-Servizz Pubbliku jaġġorna u jibqa’ javvanza maż-żmien modern.
“Nafu l-importanza, qed naraw hawnhekk tad-diġitaliżazzjoni, f’oqsma differenti, fosthom anki f’tas-saħħa, tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali. Irrid insemmi wkoll il-konnettività, in-network, jiġifieri fl-aħħar mill-aħħar jagħti l-opportunità biex dawn is-sistemi propju jkunu jistgħu jiġu aċċessati minn kullimkien fil-Gvern.”
Uffiċjal fil-Ministeru għall-Politika Soċjali, Vanessa Cauchi saħqet li fi ħdan is-Servizz Pubbliku għandu jitwaqqaf forum bħal dak li twaqqaf riċentament mill-Prim Ministru, dak tal-Youth Advisory Forum.
“Nixtieq li s-Servizz Pubbliku jieħu spunt minn din l-iniżjattiva, billi hu wkoll jistabbilixxi forum simili. Nemmen li dan il-forum għandu jkun magħmul minn uffiċjali pubbliċi li mhumiex f’kariġi għoljin tat-tmexxija, sabiex uffiċjali pubbliċi bħali fi gradi varji jingħataw huma wkoll l-opportunità li jesprimu huma wkoll l-ideat u l-ħsibijiet tagħhom dwar is-Servizz Pubbliku.”
Tkellmet ukoll Connie Fenech, li hija pensjonanta u li ħadmet mal-Aġenzija Sedqa għal madwar sebgħa u għoxrin sena. Hija appellat biex tingħata importanza l-isnajja, waqt li appellat ukoll li l-anzjani għandhom jibqgħu jagħtu s-sehem tagħhom.
“Nemmen li l-anzjani għandhom jingħataw aktar ċans jibqgħu jagħtu s-sehem tagħhom, anki bħala part-timers, speċjalment f’din is-sitwazzjoni li qegħdin fejn kulħadd jitlob għall-ħaddiema. Naħseb fis-settur pubbliku hemm bżonn li l-anzjani jagħtu s-sehem tagħhom, hawn ħafna anzjani li għandhom ħafna talenti.”
Waqt diskors li għamel waqt din il-laqgħa tal-Kabinett, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li fl-aħħar ħames snin sar investiment fil-qalba diġitali ta’ ħames mitt miljun ewro (€500 miljun).