Malta u s-Seychelles iddiskutew l-inizjattiva li kien ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela, ‘Island for Islands’.
Waqt laqgħa bilaterali li kellu l-Ministru Ian Borg flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu tas-Seychelles, intqal kif Malta għandha r-rieda li tkompli tiżviluppa iżjed din l-inizjattiva sabiex tkun tista’ tassisti pajjiżi bħal m’huma s-Seychelles, hekk kif iż-żieda fil-livell tal-baħar hawnhekk hija realtà u dan qed jeqred meded sħaħ ta’ art u xtut.
Waqt din iż-żjara uffiċjali ġew iffirmati żewġ ftehimiet ta’ kooperazzjoni, wieħed dwar is-saħħa u l-ieħor dwar Kummissjoni Konġunta.
Matul din il-laqgħa ġie diskuss ukoll is-suġġett tal-ekonomija l-blu, hekk kif bħala żewġ pajjiżi gżejjer huwa importanti ferm li dan is-settur jibqa’ jkun fil-quċċata tal-aġenda.
“Se nkomplu niddiskutu anke fuq possibilment investimenti minn Maltin f’pajjiż turistiku bħal dan, turiżmu ta’ kwalità li ma jħarisx lejn numri imma lejn il-kwalità u nemmnu li l-Maltin kemm f’dan il-qasam kif ukoll f’dak tat-trasport bil-baħar u jistgħu jikkontribwixxu għall-ekonomija ta’ dan il-pajjiż u fl-istess ħin huma wkoll ikabbru l-industrija u anke n-negozju tagħhom.”
Il-Ministru Ian Borg
L-aġenda kienet tinkludi wkoll il-qasam tas-sajd, iż-żona ekonomika esklussiva, is-settur marittimu u l-istorja ta’ suċċess li għandu pajjiżna u l-kollaborazzjoni fuq fora internazzjonali bħal Commonwealth.