Il-lukandi u l-kumplament tas-settur turistiku f’pajjiżna se jkunu qed igawdu minn programm ta’ ċertifikazzjoni ieħor mis-sit internazzjonali Forbes.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo waqt Forum dwar is-settur tal-Ospitalità f’Malta, fejn spjega kif din id-darba dan il-programm se jiffoka fuq l-aspett sostenibli u ambjentali.
“Wara li fix-xhur li għaddew ħdimna flimkien ma’ Forbes sabiex niċċertifikaw il-kwalità u l-iġjene fejn tidħol il-lukandi u s-settur tal-akkomodazzjoni, issa qed naraw li flimkien ma’ din id-ditta rinomata internazzjonali nestendu programm ta’ ċertifikazzjoni għal-lukandi u s-settur tal-akkomodazzjoni sabiex b’hekk nagħtu aktar enfasi fuq l-aspett sostenibbli u dak ambjentali.”
Il-Ministru Bartolo nnota wkoll kif dan kollu jimxi id f’id mal-ħidma tal-Gvern Malti, sabiex ikompli jinvesti f’dan il-qasam tant importanti, u fuq kollox jara li t-turist li jiġi f’pajjiżna jieħu esperjenza ta’ kwalità.
“Minkejja s-suċċessi li qed niksbu bħala pajjiż irridu nkomplu naħdmu aktar, irridu ninvestu aktar fil-kwalità u għalhekk dawn il-brands internazzjonali se jgħinu sabiex nattiraw turist ta’ kwalità għola li wara kollox li meta jiġu f’pajjiżna se jkun qed jistenna value for money għal dak li jkun qed iħallas u għalhekk dan kollu se jgħin lil kulħadd sabiex ngħollu l-livell ta’ prodott turistiku tagħna għal kul min iżur lil pajjiżna.”
L-aħħar ċifri uffiċjali juru li fl-ewwel kwart tas-sena waslu f’pajjiżna, kważi erba mija u tlieta u erbgħin elf turist: żieda ta’ 4.1% meta wieħed iqabbel mal-2019.
Dan filwaqt li l-ispiża totali tat-turisti f’pajjiżna f’dan il-perjodu qabżet it-€312-il miljun ewro: żieda ta’ 14.7% fuq l-2019.