F’waħda miż-żjarat li l-Prim Ministru Robert Abela qed jagħmel fuq proġetti madwar Malta u Għawdex, żar l-ewwel osservatorju nazzjonali fin-Nadur u x-xogħlijiet li saru fil-grawnd tal-Qala.
Fin-Nadur, il-Prim Ministru sema’ kif wara studju kkummissjonat mill-Università ta’ Malta, ġie stabbilit li l-kosta Għawdxija hija l-iżjed sit adegwat biex tospità dan l-ewwel osservatorju ottiku nazzjonali tax-xorta tiegħu f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela kellu l-opportunità jiltaqa’ mal-Professur Joseph Caruana, astrofiżiku u koordinatur tal-proġett fejn spjega kif l-osservatorju se jkun qiegħed iservi bħala faċilità ta’ taħriġ fejn bosta studenti minn istituzzjonijiet edukattivi f’pajjiżna jistgħu jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom b’rabta mas-suġġetti li jkunu qegħdin jistudjaw u jimirħu fihom.
Tkellem ukoll ma’ numru ta’ studenti li kienu preżenti waqt iż-żjara u li qassmu l-ħsibijiet tagħhom fuq il-proġett.
“Juru għal tfal pereżempju li qed jitħajru għandhom xi ħaġa li jħarsu lejha jgħidu jiena nista’ naħdem fuqha din. Jiġifieri importanti għalhekk u importanti għall-istudju tiegħi.”
Lisa Marie Aquilina
“Dan it-telescope fetaħ il-bibien biex pereżempju jkollna studenti ġodda u nistgħu nagħmlu proġetti bih pereżempju biex ngħallmu lill-istudenti li jużaw ċertu equipment bħal mgħandna it-telescope and how to do astronomy basically.”
Karl Fiteni
“Dan l-osservatorju huwa ta’ importanza kbira speċjalment għal studenti fil-futur għax ħa jgħinna għall-assignments, għat-teżijiet. Jien għadni kif għamilt it-teżi fuq light pollution ta’ Malta, għamilt mappa u dawn l-affarijiet jgħinu.”
Denise Buttigieg
Il-Prim Ministru nnota kif proġett bħal dan qiegħed iwieġeb għall-ħtiġijiet edukattivi tal-lum u li permezz tiegħu se tissaħħaħ l-esperjenza edukattiva għal dawn l-istudenti li jitħarrġu fis-suġġetti tax-xjenza, il-fiżika, l-astronomija u oħrajn relatati.
Fi żjara oħra, il-Prim Ministru Robert Abela żar ix-xogħlijiet li saru fil-grawnd tal-Qala.
Il-Prim Ministru kellu l-opportunità jitkellem mat-tmexxija tal-klabb tal-futbol tal-Qala u ma’ diversi plejers. Huwa nnota li t-titjib infrastrutturali f’dan il-grawnd se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li jagħmlu użu minnu u jkompli jgħolli l-livell ta’ professjonaliżmu mistenni mill-atleti.
Ix-xogħlijiet infrastrutturali fil-grawnd tal-Qala kienu jinvolvu l-invellar u t-tqegħid ta’ turf sintetiku li jilħaq l-aħħar standards tal-kwalità tal-FIFA. Dan il-proġett jifforma parti minn kullana ta’ proġetti oħra li qed isiru bħalissa f’Għawdex fil-qasam sportiv.
Waqt iż-żjarat, il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u s-Segretajru Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.