Malta rebħet żewġ midalji oħra fil-Kampjonat tal-Mediterran tal-Bowling li qed isir f’San Marino. Sue Abela rebħet id-deheb fil-kategorija All Events, filwaqt li t-team malti rebaħ il-bronż fil-kompetizzjoni tat-timijiet. B’hekk sa issa Malta rebħet total ta’ ħames midalji waqt dawn il-Kampjonati.
Sue Abela kienet fi klassi għaliha fl-All Events meta tellgħet total ta’ 4,701 pins, kważi 100 aktar mill-bowler slovena Alija Bergauer li spiċċat it-tieni.
Intant l-istess Abela flimkien mall-plejers l-oħra maltin Mauro Anastasi, Kayden Lagana u Cynthia Frendo Duca rebħu l-midalja tal-bronż fil-kompetizzjoni tat-timijiet.
It-team malti tella’ total ta’ 4,851 pins bi Franza jirbħu l-kompetizzjoni filwaqt li t-Turkija spiċċaw it-tieni.
Il-Kampjonat tal-Mediterran jintemm għada, bl-ammont ta’ midalji għal Malta jista’ jkompli jiżdied.
Matul din il-ġimgħa l-maltin rebħu fidda permezz ta’ Sue Abela u Cynthia Frendo Duca fid-doubles tan-nisa u bronż permezz ta’ Mauro Anastasi u Kayden Lagana’ fid-doubles irġiel.
Il-Ħamis Sue Abela u Kayden Lagana’ rebħu l-bronż fil-Mixed Doubles.