L-istar candidate tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, David Agius deher skomdu għall-aħħar meta affaċċjat b’mistoqsija dwar dikjarazzjoni fil-Parlament li kien għamel u li turi l-veduti estremisti tiegħu kontra l-ugwaljanza.
Dan hekk kif kien qed jiġi mistoqsi minn din il-kamra tal-aħbarijiet huwa u dieħel il-parlament.
Il-ġurnalist ta’ dan l-istazzjon staqsa dwar dikjarazzjoni fil-Parlament li kien għamel Agius fl-2017, meta kienet qed tiġi diskussa l-liġi għall-ugwaljanza fiż-żwieġ – liġi li kienet imressqa mill-eks Ministru Laburista Helena Dalli.
Fil-fatt, Agius dakinhar kien qal li l-liġi kif imressqa tneħħilu d-dritt li wieħed isejjaħ lil ommu ‘ma’ u lil missieru ‘pa’. Dan minkejja li, seba’ snin wara, iż-żmien altru milli tah raġun.
Qal, “Nistaqsi… minflok Jum l-Omm se jibda jkollna Jum il-Persuna li Wellditek? F’din l-assurdità qed iġġibu lil pajjiżna.”
Madankollu, malli ONE News staqsih dwar din id-dikjarazzjoni li kien għamel, Agius qal li mhux hekk kien qal.
Qal, “Mhux hekk għidt, iċċekkja x’għidt.”
Hekk kif Agius mera lill-ġurnalist ta’ dan l-istazzjon, anke l-midja indipendenti rrappurtat din l-aħbar minkejja dak li qed jgħid il-kandidat u d-Deputat Nazzjonalista.