B’inizjattiva tal-organizzazzjoni taż-żgħażagħ JEF Malta, bl-għajnuna tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, bank fl-Università ta’ Malta bank nżebaħ bil-kuluri tal-bandiera Ewropea.
Dan sar bħala parti minn kampanja li qed issir madwar l-Ewropa kollha u li nibtet minn att ta’ vandaliżmu fl-Italja, fejn bank bħal dan inżebgħu fuqu simboli Nazisti.
Tkellmet dwar dan il-President ta’ JEF Malta, Nicole Spiteri.
Qalet, “Kien hemm bank ġol-belt ta’ Lecco fejn dan il-bank ġie vvandalizzat bis-simboli tan-Naziżmu u b’dak il-mod JEF Italia ddeċidew li xtaqu jagħmlu mod kif jistgħu jerġgħu jagħmlu l-bank b’simboliżmu Ewropew.”
Kien għalhekk li JEF Malta mexa fuq il-passi ta’ dak li għamlet l-Organizzazzjoni tal-Federalisti Żgħażagħ Ewropej tal-Italja, JEF Italia, li xprunaw il-kampanja ‘Panchine Europee in Ogni Citta’.
B’dan il-mod persuni minn madwar l-Ewropa kollha se jpinġu l-kuluri jew id-disinji li jissimbolizzaw l-Unjoni Ewropea.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Malti, Alex Agius Saliba, li kien preżenti għal din l-inawgurazzjoni, stqarr li din l-inizjattiva tfakkar fil-messaġġ ewlieni tal-paċi li għalih twaqqfet l-Unjoni Ewropea.