Ġie inawgurat ċentru għall-adoloxxenti u ż-żgħażagħ fl-Imsida; ċentru li huwa immirat sabiex jgħin lil persuni vulnerabbli u li jkunu qed iħabbtu wiċċhom ma’ diversi sfidi soċjali.
Dan iċ-ċentru infetaħ mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, flimkien mat-tmexxija tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, illi se tkun qed tmexxi dan is-servizz.
Is-servizz innovattiv se jkun qed jibni fuq il-‘Youth in Focus’, li twaqqaf fl-2013 u li kompla jissaħħaħ tliet snin wara permezz tal-‘adolescent day programme’ u ‘l-embark for life’. Issa, dawn il-programmi se jkomplu jingħataw b’aktar effiċjenza taħt saqaf wieħed. Kull servizz li se jingħata minn din il-binja huwa mmirat sabiex jibni fiduċja, stamina, u reżiljenza f’dawn l-adoloxxenti.
Maureen Farrugia, li tmexxi dan il-programm, tkellmet dwar kif dan l-investiment se jkompli jagħti l-frott fost dawn l-adoloxxenti, li ħafna drabi jkunu waqgħu mis-sistema sforz id-diffikultajiet illi jkunu qed jiffaċċjaw fuq livell personali, familjari, u anke finanzjarju.
“Bħala programm huwa maħsub biex jaħdem aktar fuq l-iskills taż-żgħażagħ, fejn dawn jaħdmu flimkien, jagħmlu attivitajiet flimkien – xi kultant anke minflok imorru l-iskola jiġu hawnhekk. Fl-aħħar mill-aħħar, wara xi 3 jew 4 xhur naħdmu flimkien, iż-żgħażagħ jiksbu ċ-ċertifikat li jiswa daqs O level, u b’hekk ikunu jistgħu jidħlu l-MCAST jew ITS u se jkun miktub fuq is-CV tagħhom.
Il-Ministru Michael Falzon qal li dan huwa mod ieħor kif nindirizzaw il-bżonnijiet taż-żgħażagħ.
“Dan huwa programm fejn qed inħarsu lejn empowerment, fejn qed nisimgħu liż-żgħażagħ u naħseb li wasal il-mument biex naħsbu ftit ukoll għal x’jiġri meta wieħed jgħalaq it-18-il sena u wieħed ikollu bżonn l-għajnuna. Irridu nkunu hemm għal kulħadd.”
Preżenti kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti u d-Direttur tad-Direttorat għall-Kura Alternattiva, Remenda Grech.