Permezz ta’ ftehim bejn l-Aġenzija LESA u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, l-Aġenzija LESA se tkun qed tgħaddi €600,000 fuq sentejn lill-Kumitati Reġjonali biex dawn ikunu għad-dispożizzjoni u jintużaw mill-kunsilli lokali u mill-għaqdiet volontarji fid-diversi lokalitajiet Maltin u Għawdxin.
B’hekk dawn jiġu mgħejuna fl-ispejjeż marbuta ma’ ħlasijiet ta’ Pulizija, uffiċjali tal-LESA u l-Protezzjoni Ċivili waqt attivitajiet kulturali u oħrajn li jiġu organizzati minn żmien għal żmien.
Din l-inizjattiva, li torbot ma’ inizjattivi oħra meħuda fl-aħħar snin b’rabta mal-attivitajiet kulturali, tħabbret mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.
Il-Ministru Owen Bonnici tkellem dwar l-importanza li l-Gvern ikompli jixpruna l-attivitajiet fil-lokalitajiet biex isaħħu s-sens komunitarju.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega li meta jiġu organizzati attivitajiet kulturali u oħrajn, wieħed ikollu jagħlaq ċertu toroq għat-traffiku kif ukoll ikun hemm bżonn pulizija fuq extra duty, jew uffiċjali oħra tul l-attività.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li permezz ta’ dawn il-fondi addizzjonali l-kunsilli lokali ser ikunu f’pożizzjoni li jallokaw aktar fondi fuq l-attivitajiet organizzati minnhom fil-lokalitajiet. Dan ifisser, qalet is-Segretarju Parlamentari, li r-residenti ser ikunu qed igawdu minn livell aktar għoli ta’ attivitajiet soċjo-kulturali lokali.
Il-fondi li l-Aġenzija LESA ser tagħti lill-Kunsilli Reġjonali ser ikunu mqassma fuq sentejn, u ser ikunu ugwali għal kull reġjun. Il-ftehim huwa b’seħħ mit-12 ta’ Mejju 2023.