Dik li kellha tkun elezzjoni għat-tmexxija tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (l-MŻPN) jidher li mhu se tkun elezzjoni xejn.
ONE NEWS hu informat li grupp sħiħ ta’ żgħażagħ ġodda rtiraw mit-tellieqa wara li kienu bdew jikkampanjaw fuq il-midja soċjali.
Jidher li dan il-grupp ta’ żgħażagħ sab jagħlaqlu l-bieb f’wiċċu lis-Segretarju Ġenerali tal-PN, Michael Piccinino. Fl-aħħar jiem kienu diversi l-akkużi li saħansitra nbidlu r-regoli tal-elezzjoni biex ma jagħtuhomx ċans. Saħansitra ONE NEWS żvela email li tgħid dan kollu minn wieħed minn dawk li kienu diġà rtiraw fil-bidu tal-ġimgħa.
Filwaqt li l-ikbar konfront hu ma’ Michael Piccinino, għal darb’oħra feġġew il-fazzjonijiet ta’ Bernard Grech u Adrian Delia, b’dan tal-aħħar ma jrid jitlef xejn mis-saħħa li għandu fl-eżekuttiv preżenti. Dan hu wieħed mill-metodi kif jista’ jżomm lill-Kap li ħadlu postu rikattat.
Fl-email li nkitbet lill-Kap tal-Kummissjoni Elettorali ntqal li l-aġir fil-konfront ta’ dawn il-membri ġie deskritt bħala inaċċettabli f’demokrazija u wisq anqas fil-Partit Nazzjonalista, li jipprietka spiss dwar kemm hu partit demokratiku.
Li din l-irtirata turi li Grech qed ikompli jitlef il-kontroll jixhdu l-fatt li, fost dawk li kellhom jirtiraw, kien hemm persuni li l-Kap Nazzjonalista nnifsu għażilhom biex jitkellmu f’attivitajiet tal-partit biex jagħtihom imbottatura. Iżda, din kienet imbottatura li ma wasslet għal imkien għax spiċċaw lanqas iċ-ċans li jipprovaw jidħlu fl-eżekuttiv ma tħallielhom.
Dawn iż-żgħażagħ tal-fazzjoni tal-Kap Nazzjonalista li riedu l-block vote kienu ħadu ritratt mal-maduma u fuq il-midja soċjali qalu li “Żmien il-Bidla Wasal”.
Iżda, il-bidla ġiet imwaqqfa u l-Kap tal-Partit nqabad ostaġġ ta’ Michael Piccinino – li partat l-appoġġ ma’ dawk li diġà qegħdin fl-eżekuttiv – u ta’ Delia, li ried iżomm lil dawk li fil-mument tal-prova appoġġjaw lilu.