“Irridu li r-Rwanda tkun sieħeb strateġiku ta’ Malta fil-qalba u ċ-ċentru tal-kontinent tal-Afrika.” Kien dan il-messaġġ tal-Ministru Ian Borg lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Rwanda Vincent Biruta waqt laqgħa bilaterali li kellu miegħu f’Kigali.
Matul din il-laqgħa bilaterali ġew iffirmati tliet ftehimiet importanti li permezz tagħhom se jkunu qed ikomplu jtejbu u jsaħħu r-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-ftehimiet li ġew iffirmati miż-żewġ Ministri rispettivi kienu jikkonsistu f’Air Services Agreement, ieħor fuq il-kooperazzjoni sabiex ikunu mħarrġa aktar diplomatiċi u ieħor dwar is-settur turistiku.
Il-Ministru Ian Borg tenna kif il-Gvern Malti qiegħed ikompli jatwa l-istrateġija tiegħu għall-kontinent tal-Afrika bil-għan li anke jkompli jkun hemm aktar negozji lokali li jagħżlu dan il-kontinent biex jimirħu. Huwa sostna li huwa essenzjali li pajjiżna jibqa’ jkun il-pont ta’ bejn l-Ewropa u l-Afrika.
Il-diskussjoni ffukat dwar it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali, il-possibbiltà ta’ kooperazzjoni fis-settur edukattiv u anke l-kooperazzoni fil-fora multilaterali.
Matul din iż-żjara, il-Ministru Borg iltaqa’ wkoll mal-Kap Eżekuttiv tal-Bord tal-Iżvilupp tar-Rwanda Clare Akamanzi. Kompla jiġi diskuss il-potenzjal ta’ aktar investimenti bejn iż-żewġ pajjiżi u anke dwar il-viżjoni 2050 li qed jipproġetta dan il-pajjiż. Hawnhekk kienu mitkellma wkoll il-vantaġġi għal Rwanda sabiex jesploraw possibiltajiet f’pajjiżna b’mod partikolari relatati mal-konnettività u l-loġistika.
Il-Ministru Borg iltaqa’ wkoll mal-Ambaxxatur tal-Unjoni Ewropea għal Rwanda, Belen Calvo Uyarra. Matul din il-laqgħa qasira ġew diskussi r-relazzjonijiet tal-Unjoni ma’ dan il-pajjiż u l-intenzjonijiet ta’ pajjiżna biex isaħħaħ aktar r-relazzjonijiet ma’ Rwanda.