Waqt iż-żjara li għamel f’Malta fil-jumejn li għaddew, is-Segretarju tal-Istat tas-Santa Sede, il-Kardinal Pietro Parolin, sab ħin biex żar il-Knisja Arċipretali tal-Ħamrun fejn ra wkoll il-vara titulari ta’ San Gejtanu.
Huwa għamel dan fil-kuntest tal-fatt li s-sena d-dieħla l-vara titulari se tittieħed Ruma fejn, f’Settembru, se tkun għall-wiri għal xahar sħiħ fil-Bażilika Minuri ta’ San Andrea Della Valle. Il-vara se tittieħed ukoll f’purċissjoni minn din il-Knisja sal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, fejn dan ix-xogħol artistiku ta’ Karlu Darmanin se jintrefa’ fuq l-ispallejn minn reffiegħa Ħamruniżi.
Dan se jseħħ fl-okkażjoni tal-500 anniversarju minn mindu twaqqfet il-Kongregazzjoni tal-Kjeriċi Regulari. Dawn ir-reliġjużi huma magħrufa bħala l-patrijiet Teatini, u wieħed mil-fundaturi tagħhom kien proprju San Gejtanu, li dak iż-żmien huwa kien magħruf bħala Gaetano dei Conti di Thiene.
Fil-Knisja tal-Ħamrun il-Kardinal Parolin intlaqa’ mill-Arċipriet, Dun Walter Cauchi, mill-Viċi Arċipriet Dun Joe Gatt, mill-Mons. Anton Portelli, u mill-prokuratur tal-vara, George Sciberras. Prezenti kien hemm ukoll l-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit, u n-Nunzju Appostoliku għal Malta, Mons. Tai Fai Hon.