Id-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei issa huwa mgħammar b’CT scanner ġdid u tal-aħħar teknoloġija, b’investiment ta’ miljun u mitt elf ewro.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, f’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dipartiment tal-Emerġenza hekk kif ġie inawgurat.
Id-Deputat Prim Ministru sostna l-importanza ta’ dan l-apparat, li mhux biss se jkompli jżid mal-kapaċità tal-isptar Mater Dei li jwettaq CT scans fuq il-pazjenti li għandhom bżonn iżda wkoll li jżid mal-effiċjenza tal-isptar f’dan il-qasam.
Fil-fatt, id-Deputat Prim Ministru rrimarka dwar iż-żieda fid-domanda ta’ dawn it-tip ta’ bżonnijiet mill-qasam tar-radjoloġija fl-aħħar 10 snin u b’hekk l-importanza ta’ aktar investiment fil-qasam.
Chris Fearne qal “Fl-2013, pereżempju, konna nagħmlu 27,000 CT scan. Is-sena li għaddiet aktar minn irduppjajna l-ammont: 55,000. L-MRIs l-istess, anzi kważi żdidna b’erba’ darbiet. Minn 10,000 MRI li konna nagħmlu fl-2013, is-sena li għaddiet għamilna 38,000.”
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Mediku tal-Isptar Mater Dei, is-Sur Joseph Debono, sostna li s-CT scanner fid-Dipartiment tal-Emerġenza se jnaqqas il-bżonn li pazjenti li jkunu rikoverati fl-istess Dipartiment ikollhom jitilgħu fid-Dipartiment tar-Radjoloġija biex isirilhom ic-CT scan neċessarju.
Huwa kompla jgħid “Il-ħin li jieħu biex jieħu CT scan huwa qasir ħafna. Jista’ jsir kwalunkwe CT scan u intervent fuqu, u l-fatt li qiegħed bieb ma’ bieb mal-emerġenza, fejn il-pazjent ikun qiegħed ħażin, ikun jista’ jinġieb hawn mingħajr ma tneħħilu l-osservanza li jkun hemm fl-emerġenza huwa ta’ vantaġġ kliniku qawwi.”