Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar iddikjara fi stqarrija li jemmen fil-libertà tal-espressjoni ħielsa u jagħti assigurazzjoni lill-ġurnalisti li huma ħielsa fix-xogħol ġurnalistiku tagħhom. “Anzi, il-ġurnalisti għadhom ikunu mħeġġa jkomplu bix-xogħol ta’ skrutinju serju tagħhom,” qal Cardona fi Stqarrija.
Żied jgħid li l-gideb intiż biex ixerred il-ħdura, il-mibgħeda u l-firda mhuwiex ġurnaliżmu. “Ħadd ma għandu juża’ l-professjoni ġurnalistika serja biex jgħid li jrid u jkasbar bi ħdura u b’gideb lil kwalunkwe persuna kemm fil-ħajja pubblika u anke barra minnha,” qal Cardona.
Iddikjara li Daphne Caruana Galizia hija blogger li tippubblika gideb bla bażi, intiżi biss biex ikissru lin-nies bi stejjer ivvintati fosthom fuq mard, mewt, tfal u persuni mejtin. “Dan il-gideb ikollu effett mhux biss fuq min huwa fil-ħajja pubblika, imma anke fuq il-familji tagħhom mingħajr konsiderazzjoni ta’ xejn. Dan il-gideb u tgħajjir sofrew minnu nies ta’ twemmin politiku differenti,” żied Cardona.
Tenna li hija din ir-raġuni li apparti l-libelli, saru wkoll mandati ta’ sekwestru. “Min qiegħed jiddefendi lil din il-blogger mhuwiex ikun ta’ servizz għall-ġurnalizmu serju. Min jikklassifika l-istejjer li huma gideb sfaċċat, malafamanti u bla bażi ta’ din il-blogger bħala ġurnalizmu qiegħed ikun ta’ disservizz kemm għall-ġurnaliżmu, kif ukoll għal-libertà tal-espressjoni,” stqarr Cardona.
Kif spjegat aktar kmieni u kif anke osservat fi stqarrija tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, għalkemm il-Ministru Cardona se jkun qed jiftaħ libelli oħrajn fil-konfront tal-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista, mhux se jkun qed jagħmel mandati fil-konfront tagħhom.