Għat-tmien sena konsekuttiva, pajjiżna kklassifika fl-ewwel post fir-Rainbow Map
Dan ħareġ mill-indiċi tal-ILGA-Europe għas-sena 2022.
Ta’ kull sena, l-Għaqda Internazzjonali ILGA-Europe tippubblika għodda ta’ valutazzjoni komparattiva li tevalwa s-sitwazzjoni ta’ liġijiet u l-politika dwar l-ugwaljanza LGBTIQ+ tal-pajjiżi differenti fl-Ewropa.
Ir-rapport juri li, minn 49 pajjiż fl-Ewropa u l-Asja Ċentrali, Malta rnexxielha tikseb l-ogħla persentaġġ fir-rigward tal-Ugwaljanza LGBTIQ+.
B’kollox, pajjiżna ġab punteġġ ta’ 89%, 13-punt perċentwali aktar mill-Belġju, li kklassifika fit-tieni post.
L-istħarriġ jinnota li Malta tipprovdi protezzjoni legali f’diversi oqsma ta’ ugwaljanza u nondiskriminazzjoni, fosthom il-familja, reati ta’ mibegħda u diskors ta’ mibegħda, rikonoxximent legali tal-ġeneru, integrità tal-ġisem intersesswali, spazju tas-soċjetà ċivili u ażil.
Fi stqarrija maħruġ,a mis-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza intqal li, biex tkompli tissaħħaħ il-ħidma f’dan is-settur, il-Gvern Malti se jkun qed jaħdem biex jipprovdi aktar protezzjoni legali għall-persuni LGBTIQ+. Dan se jsir b’mod partikolari fil-leġiżlazzjoni li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-prodotti u s-servizzi u t-twaqqif ta’ korp ta’ ugwaljanza b’mandat espliċitu għal raġunijiet ta’ SOGIGESC (orjentazzjoni sesswali, identità tal-ġeneru, espressjoni tal-ġeneru, karatteristiċi tas-sess).
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, stqarret li tinsab konvinta li dan il-Gvern se jkompli jaħdem sakemm biex Malta tkun dejjem aktar ugwali.
Barra minn hekk, qed titkompla l-ħidma fi ħdan id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi sabiex leġiżlazzjonijiet u politika li jħarsu d-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+ jibqgħu jitjiebu biex niżguraw li l-edukazzjoni u l-għarfien jiddaħħlu fis-setturi kollha tas-soċjetà bil-għan li jinqerdu l-preġudizzji u l-mibegħda.