Numru ta’ persuni ndarbu wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi Triq Sir Anthony Mamo, Birkirkara, b’wieħed mill-vittmi jinsab fil-periklu tal-mewt.
L-inċident seħħ ilbieraħ għal ħabta tas-sebgħa u kwart ta’ filgħaxija.
Mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn vettura misjuqa minn mara ta’ 30 sena residenti l-Imqabba, u vettura oħra misjuqa minn Franċiż ta’ 25 sena u li fiha kien hemm ukoll erba’ passiġġiera, tlitt irġiel ta’ 27, 25 u 21 sena u tfajla ta’ 19-il sena, kollha minn Franza u joqogħdu l-Mellieħa.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti, u ambulanzi ħadu l-mara ta’ 30 sena u ż-żewġ passiġġiera ta’ 25 u 19-il sena l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Aktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament u jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu, it-tfajla ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi filwaqt li l-mara ġiet iċċertifikata li weġġgħet ħafif.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Joseph Gatt ġie infurmat u ħatar inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.