Meta ssokta l-każ fil-Qorti kontra Joseph Cortis, ta’ 79 sena, minn Ħad-Dingli, li jinsab akkużat bil-qtil involontarju ta’ Marie Claire Lombardi, intqal li ż-żebbuġ li nxtered fit-triq kien ta’ periklu għas-sewwieqa kollha li kienu għaddejjin mill-inħawi.
Cortis jinsab akkużat quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia li, b’negliġenza, ikkawża t-tixrid taż-żebbuġ li wassal għall-mewt ta’ Lombardi, ta’ 45 sena, fit-22 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra.
Lombardi, li kienet parrukkiera, mietet fuq il-post wara li l-mutur Yamaha tagħha skiddja fuq iż-żebbuġ u ħabat f’central strip fi Triq l-Imdina, fir-Rabat.
Meta xehed l-Ispettur Roderick Attard, huwa qal lill-Qorti li ż-żebbuġ imxerred, li tgħaffeġ mit-traffiku li kien għaddej, ifforma roqgħa żejt li kienet ta’ periklu għas-sewwieqa kollha.
L-Ispettur xehed li b’riżultat tal-iskiddjar u tal-ħabta sussegwenti, Lombardi kienet sofriet ġrieħi f’idejha, fil-geddum u fil-parti t’isfel ta’ ġisimha.
Huwa qal li l-investigazzjoni daret fuq Cortis wara li koppja li kienet qed issuq wara l-vann tal-akkużat lemħet kaxxi biż-żebbuġ jaqgħu mill-vann. Is-sewwieq ipprovda lill-pulizija bi skeċċ ta’ stiker li ra fuq il-vann blu ċar li kien qed isuq l-akkużat.
L-avukat difensur Patrick Valentino qal li x-xhud ma qalx lill-Pulizija li ra kaxxa taqa’ mill-vann, iżda biss li kien ra ż-żebbuġ fit-triq.
Madankollu, l-Ispettur Attard ċaħad din l-asserzjoni, filwaqt li sostna li mart ix-xhud kienet qalet lill-pulizija li żewġha kien iddeskriva li ra ċestun nieżel minn vann. Barra minn hekk, osserva li diversi xhieda oħra taw rendikont simili.