Is-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali spjega kif stqarrija li ħarġet l-Oppożizzjoni dwar il-Liġi tal-Ħaddiema tal-Pjattformi hija bbażata fuq fatti żbaljati.
Fi stqarrija, Is-Segretarjat Parlamentari innota li l-Oppożizzjoni titkellem fuq Direttiva tal-Unjoni Ewropea li, skontha, il-Gvern għamel ‘copy u paste’ tagħha meta din id-Direttiva kellha u għandha skop differenti minn dak li tirregola l-liġi tal-pjattaforma li introduċa l-gvern Malti.
Tant hu hekk li bħalissa, fuq livell Ewropew, qed tiġi diskussa Direttiva oħra li tikkonċerna l-ħaddiema tal-pjattaformi. Il-liġi Maltija hija waħda mill-mudelli li diversi Stati Membri tal-UE, kif uwoll partijiet interessati oħrajn, qed jimbuttaw ‘il quddiem bħala mudell għal-liġi Ewropea. Dan jista’ jiġi kkonfermat mill-unjins ewlenin Maltin.
Fir-rigward tat-tisħiħ tad-Dipartiment tar-relazzjonijiet Industrijali u l-Impjieg (id-DIER), il-Gvern osserva li x-xogħol f’dan ir-rigward hu kontinwu tant li din hija wkoll proposta elettorali
Fl-aħħar nett, il-Gvern assigura li kull rapport li jidħol għand id-DIER jittieħed bis-serjetà u jiġi investigat, anke jekk isir b’mod anonimu. Għaldaqstant, huwa importanti li kull ħaddiem li jħoss li jkun qiegħed jiġi sfruttat, jagħmel rapport minnufih. Sadanittant, id-DIER se jkompli għaddej bl-investigazzjonijiet tiegħu li jsiru minn żmien għal żmien.
Fil-midja soċjali, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, ikkummenta li “trid tkun altru fl-isħab biex tkun kelliem ta’ Partit ewlieni, tikkwota liġi b’oħra fi stqarrija uffiċjali, imbagħad biex tkompli tħawwad lanqas biss tkun taf li għadha qed tiġi diskussa liġi tal-pjattaformi fuq livell Ewropew, fejn il-liġi Maltija qed tiġi imbuttata bħala waħda mill-mudelli. Mhux ta’ b’xejn li l-Partit Nazzjonalista qiegħed fl-istat li qiegħed.”