Waqt iż-żjara uffiċjali tiegħu fl-Etjopja, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg kien mistieden mill-Prim Ministru tal-Etjopja Abiy Ahmed Ali għal diversi laqgħat u żjarat fuq proġetti li bħalissa għaddejjin fil-pajjiż.
Wara ż-żjara uffiċjali tal-Prim Ministru tal-Etjopja f’pajjiżna ftit tal-ġimgħat ilu, Malta laqgħet l-istedina uffiċjali sabiex id-diskussjonijiet ikunu jistgħu jkomplu f’Addis Ababa, b’mod partikolari dwar relazzjonijiet kummerċjali. Fost il-proġetti li ġew murija kien hemm il-Mużew tax-Xjenza u anke l-Park Entoto, fost oħrajn.
Matul din iż-żjara komplew ukoll id-diskussjonijiet esploratorji dwar il-kollaborazzjoni potenzjali ta’ Malta mal-Ethiopian Airlines. Dr Borg u d-delegazzjoni Maltija kellhom laqgħa mal-Kap Eżekuttiv Mesfin Tasew. Din il-linja tal-ajru għandha aktar minn 170 ajruplan u hija meqjusa bħala waħda mill-akbar ħames linji tal-ajru fid-dinja.
Bħala parti mill-programm uffiċjali, il-Ministru Borg nieda wkoll proġett Malti bl-isem ta’ “Connected Classrooms”. Permezz ta’ inizjattiva ta’ Assistenza ta’ Żvilupp qed tinħoloq kooperazzjoni diretta bejn l-iskola Kidane Mehret f’Addis Ababa, skola li kienet saret mill-Maltin aktar minn 100 sena ilu u li għadda mmexxija mill-Maltin, u l-iskola Mater Boni Cosili St. Joseph ta’ Raħal Ġdid. Dan il-programm qed iservi biex isiru aktar skambji edukattivi u kulturali bejn iż-żewġ pajjiżi u tingħata għajnuna għat-tagħlim tal-lingwa Ingliża minn għalliema Maltin permezz ta’ teknoloġija diġitali.
“Proġetti bħal dawn juru l-ħidma li jkun qed jagħmel il-Gvern Malti sabiex jassisti u jgħin fl-iżvilupp ta’ pajjiżi oħra,” sostna l-Ministru Borg.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2023/05/10113208/pr230682b-1024x834.jpg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2023/05/10113118/pr230682c-1024x596.jpg)