Waqt telefonata fuq il-programm PJAZZA fuq ONE, il-Ministru Chris Cardona tkellem dwar il-libelli li fetaħ fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia u kif ukoll il-mandati ta’ sekwestru fejn qal li bħal kulħadd, hu jaf jagħmel id-distinzjoni bejn ġurnalist u min ixerred il-mibegħda biss.
Hu sostna li s-sekwestru huwa biss il-bidu u li se jkun hemm libelli oħrajn.
Il-Ministru Cardona qal li dawn qed isiru kontra blogger b’aġenda moħbija u ta’ assassinju ta’ karattru ċar. Qal li l-istess libelli li se jsiru fil-konront ta’ media houses oħra mhux se jkollhom l-istess proċeduri legali.
“Din hija blogger ta’ mibgħeda. Hemm partit li qed juża’ l-blog tagħha, saħansitra saret qisha l-ispokesperson tagħhom. Jien naf nagħmel distingwazzjoni kif jagħmel kulħadd bejn ġurnalist u blogger li jxerred il-mibegħda biss,” kompla jgħid Cardona. Saħaq kif din il-persuna ttella’ l-blog tagħha b’stejjer ta’ mibgħeda li jkissru lilhom bħala persuna u kif ukoll lil familthom.
Cardona temm jgħid li hu għamel it-talba tiegħu l-Qorti, u li l-Qorti ma qabditx u ħarġet is-sekwestru mingħajr bażi iżda ħadet din id-deċiżjoni wara li rat dak li nkiteb minn Daphne Caruana Galizia.