Ray Polidano huwa d-Direttur tal-Mużew tal-Avjazzjoni. One News iltaqa’ miegħu fl-anniversarju tal-10 ta’ Mejju, id-data meta Malta kisbet is-supremazija tal-ajru kontra l-għadu. Dan kien kruċjali għall-aħħar għax kien ifisser sigurtà għal ħajjet il-Maltin u l-Għawdxin.
F’April tal-1942, Malta sofriet l-aktar bombardamenti kontinwi u prattikament pajjiżna kien lest li jċedi. Kien għalhekk li l-Imperu Ingliż permezz tal-Prim Ministru Brittaniku ta’ dak iż-żmien, Winston Churchill, talab li minn Gibiltà jintbagħtu 46 ajruplan Spitfire lejn pajjiżna permezz tal-Aircraft carrier Amerikan, il-Wasp.
Dawn it-tip ta’ ajruplani kienu ta’ kambjament kbir fuq l-ajruplan dgħajjef li kienu qed jintuża dak iż-żmien, il-Hurricane, jew kif kienu jsejħulhom l-Maltin, li-karettun.
Il-kollaborazzjoni li l-Ispanjoli kellhom man-Nazisti wasslet biex jinkixfu dettalji sensittivi dwar din l-operazzjoni u konsegwentament in-Nazisti, flimkien mat-Taljani, għamlu minn kollox sakemm qerdu l-iswadra tal-iSpitfires li kienet għadha kif waslet.
“Il-Ġermaniżi organizzaw air raids biex bejn fuq l-art u bejn il-ġlied li kien sar fl-ajru, bażikament reġgħu kissru kważi kollox.”
Huwa qalilna li wara t-telfa numeruża ta’ Spitfires, Malta ma’ setgħetx tibqa bi skawdra fqira u għalhekk Churchill għal darb’oħra talab lill-Amerikani sabiex bl-għajnuna tagħhom jintbagħtu iktar ajruplani lejn Malta.
“Fid-9 ta’ Mejju tal-1942 il-Wasp u l-aircraft carrier Ingliż l-Eagle, li kien naqra ikbar mill-aircraft carrier tas-soltu, taw titjira ta’ 64 Spitfire lejn Malta. Wieħed minnhom kien spiċċa l-pilot iddeċieda li ma riedx jiġi Malta u kien mar lejn it-Tuneżija, taparsi ntilef, imma l-oħrajn waslu qawwijin u sħaħ.”
Din id-darba l-iskwadra tal-ajru tgħallmet mill-iżbalji tagħha u għalhekk l-Imperu Ingliż tejjeb l-istruttura tal-avjazzjoni u għamilha aktar effiċjenti.
“Biss, din id-darba, kienu rranġaw. Il-merħba lejn l-iSpitfires kienet organizzata qisu tip tal-Grand Prix li tara meta jbiddlu t-tyres tal-karozzi f’4 sekondi u hekk.”
Din ġabet bidla drastika fil-pożittiv, tant li sal-10 ta’ Mejjus-smewwiet ta’ Malta raw l-iktar battalja tal-ajru u finalment pajjiżna wera kemm verament huwa forti qawwi f’nofs il-Mediterran.
Intant, l-iSpitfire wera l-kapaċità tiegħu kontra l-għadu, speċjalment l-ajrupani tal-Luftwaffe Ġermaniża.
“Il-ġranet tad-9 u l-10 ta’ Mejju aħna ngħidulha l-‘Glorious Tenth Of May’. Hawn Malta bdejna nieħdu dak li jgħidulu aerial supremecy, li tfisser li bdejna sa fl-aħħar, kien ikollna biżżejjed ajruplani biex jistgħu jmorru kontra l-għadu ”
“Bdejna nwaqqgħu kwantità mhux ħażin ta’ ajruplani. Fil-fatt, dakinhar tal-10 ta’ Mejju waqgħu kwantità kbira ta’ ajruplani tal-għadu.”
Din ma kinitx l-aħħar battalja li missirijietna u ommijietna kellhom jaraw b’għajnejhom hekk kif il-battalji kiefra baqgħu għaddejjin, iżda wara l-10 ta’ Mejju l-avversarji Faxxisti u Nazisti qatt ma rnexxielhom jieħdu lura s-supremazija tal-ajru fuq il-gżejjer Maltin.