Pajjiżna ffirma tliet ftehimiet ta’ kollaborazzjoni mal-Etjopja fis-setturi tas-servizzi tal-ajru, tat-taħriġ għad-diplomatiċi, u tat-turiżmu.
Dawn il-ftehimiet ġew iffirmati waqt laqgħa bilaterali bejn il- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, u d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Etjopjan, Demeke Mekonnen.
Din iż-żjara kompliet kabbret ir-relazzjonijiet li pajjiżna għandu ma’ pajjiżi strateġiċi fl-Afrika, anki skont l-istrateġija għall-politika barranija li qiegħed iħaddan pajjiżna.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Etjopja rrimarka li din iż-żjara hija waħda sinifikanti u li l-Gvern tal-Etjopja japprezza li, sentejn ilu, Malta ddeċidiet li jkollha rappreżentanza fl-Etjopja. Huwa rringrazzja lil Malta tal-kontribut bilanċjat li dejjem offriet f’fora multilaterali dwar il-kontinent Afrikan.
Il-Ministru Malti għall-Affarijiet Barranin qal li kellu l-opportunità jiddiskuti temi varji waqt din il-laqgħa bilaterali.
Ian Borg qal “Kien ta’ pjaċir għalija li niltaqa’ u niddiskuti dan kollu, inklużi l-isfidi tar-reġjun – xejn inqas is-Sudan – mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Etjopja u kelli l-opportunità wkoll illi niddiskuti l-politika Ewropea u anki dak li għaddejja minnu l-Ewropa f’termini ta’ gwerra fil-qalba tagħha.”