Lejliet laqgħa ġenerali annwali, il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista nqasam f’żewġ fazzjonijiet.
Filwaqt li għal darb’oħra reġgħu feġġew l-alleanzi ta’ favur Bernard Grech u ta’ kontra Adrian Delia jidher li din id-darba l-ikbar sors ta’ ġlied huwa s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino.
Dawk li bħalissa qegħdin fis-siġġu u ma jridu lil ħadd jidħlilhom fl-għalqa, għandhom l-appoġġ tas-Segretarju Ġenerali.
Filwaqt li dawk li xtaqu jagħtu kontribut għall-ewwel darba spiċċaw sabu l-bieb magħluq. Dawk li għamlu l-block vote magħruf bħala tal-bidla kitbu fuq facebook li ‘Żmien il-Bidla Wasal’.
Qalu li wasal iż-żmien li l-MŻPN terġa’ tkun protagonista vera tal-politika fil-Partit Nazzjonalista u biex jgħidu dan il-grupp kollu ħa ritratt quddiem l-emblema tal-Partit Nazzjonalista.
Akkużaw lil Piccinino bħala elitist u li biex jgħinek fil-Partit Nazzjonalista trid tkun ta’ ġewwa.
Fil-Partit Nazzjonalista, iż-żgħażagħ tal-bidla, ma tantx ntlaqgħu tajjeb u biex dawk li qegħdin fil-kariga jżommu s-siġġu saħansitra qed jingħad li nbidlu r-regoli tal-elezzjoni. Jidher li Piccinino nnifsu qed jaħdem biex iġibu l-membri li jivvotaw kontrihom.
ONE NEWS għandu f’idejh email li ntbagħat u li fih intqal kif kien hemm bidla fir-regoli tal-elezzjoni. L-email, mibgħuta lil Kap tal-Kummissjoni Elettorali l-avukat Peter Fenech tgħid ukoll li membru mill-block vote tal-ġodda kien ‘harassed’ u ma ttieħdu l-ebda passi minn min għamel it-theddid u l-bullying. L-aġir tal-Partit Nazzjonalista u l-fazzjoni ta’ Piccinino kien deskritt bħala mhux aċċettabbli f’demokrazija, u wisq inqas f’partit li jgħid li hu demokratiku.
Din kienet l-ewwel persuna li rtirat in-nomina, għalkemm mhux eskluż li jkun hemm oħrajn li jagħmlu l-istess fis-sigħat li ġejjin.
U jirriżulta li minn barra l-qasma fl-ogħla livell tal-partit, hemm ukoll qasma fost id-deputati żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista b’Eve Borg Bonello tikkampanja għal fazzjoni u Bernice Bonello għal oħra.
Saħansitra Borg Bonello bagħtet messaġġi bl-uffiċċju tal-kampanja tagħha biex tgħin il-fazzjoni li qed tappoġja hi.